Dan huwa l-ewwel minn sensiela ta’ artikli bħala rapp­reżentata tagħkom fil-Parlament Ewropew. F’din ir-rokna ta’ kull ħmistax fuq il-ġurnal l-orizzont se nkun qiegħda nżomm kuntatt magħkom il-qarreja biex inwasslilkom l-aħħar informazzjoni, kemm dwar ħidmieti fil-Parlament Ewropew, kif ukoll dwar dak li jkun qiegħed jiġri fl-Unjoni Ewropea inġenerali.
Nemmen li huwa importanti li l-Maltin inħossuna parti mill-Unjoni Ewropea.Mingħajr dubju ta’ xejn, matul dawn l-aħħar ħames snin, il-kriżi ekonomika li laqtet lill-Ewropa kienet is-suġġett prinċipali tal-ħidma fl-Unjoni Ewropea. B’mod speċjali, il-Parlament Ew­ropew ħadem biex ikun par­ti mis-soluzzjoni għal din il-kriżi. Rajna kif soluzzjonijiet għal din il-kriżi bħal ma kienet il-“Garanzija għaż-Żgħażagħ” ħarġu direttament mill-kurituri tal-Parlament Ewropew.
Din il-kriżi però mhix biss waħda ekonomika u finanzjarja. Il-problema tax-xogħol hija l-ikbar problema li qegħdin niffaċċjaw bħalissa bħala Unjoni Ewropea. Ix-xogħol jagħti lill-individwu mhux biss sigurtà finanzjarja iżda fuq kollox dinjità.  Sfortunatament bħalissa qegħdin naraw l-effett li jġib miegħu n-nuqqas ta’ impjieg fit-tul. Qegħdin naraw kif f’dawk il-pajjiżi li huma l-aktar milqutin minn din il-kriżi, bħalma huma Spanja u l-Greċja, qegħdin jin­ħolqu problemi soċjali kbar.
Dawn il-problemi huma saħansitra aktar akuti fejn jidħlu ż-żgħażagħ. Filfatt qegħdin naraw numri kbar ta’ żagħżagħ li qegħdin jitilqu minn pajjiżhom biex imorru f’pajjiżi oħrajn bit-tama ta’ futur aħjar, filwaqt li r-rata ta’ kriminalità u estremiżmu politiku qegħdin jiżdiedu.
Jien nemmen li dan m’għan­dux ikun. Fir-rwol tiegħi bħala Membru tal-Parlament Ew­ropew, bdejt mal-ewwel naħdem biex naslu għal soluzzjoni. Bħala grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi nemmnu li l-priorità assoluta hija dik li nsibu soluzzjoni għall-problema dej­jem tikber tal-qgħad fl-Ewropa.  Il-ġimgħa li għaddiet ġejt magħżula personalment mill-President tas-Soċjalisti u Demokratiċi Hannes Swoboda, bħala membru ta’ kumitat magħruf bħala ‘Jobs Contact Group’.
Dan il-kumitat, magħmul minn numru żgħir ta’ Membri Parlamentari Ewropej u mmexxi minn Hannes Swoboda nnifsu, twaqqaf biex jistudja s-sitwazzjoni preżenti tas-suq tax-xogħol u jara liema soluzzjonijiet jistgħu jkunu l-aktar effettivi biex jgħinu ħalli tingħeleb il-problema tal-qgħad fl-Ewropa. Dan il-kumitat se jiffoka fuq il-qagħda taż-żgħażagħ. Iż-żgħażagħ huma l-futur tagħna u għal­daqstant huwa importanti li ngħinuhom ifassalu l-futur tagħhom kemm għalihom u għal pajjiżhom.
Is-soluzzjoni mhux se tinstab b’xi bakketta maġika.  Lanqas ma tinstab f’xogħol ta’ natura prekarja. Il-problemi huma kbar ħafna u mifruxin.  Inkunu qegħdin noħolmu jekk nemmnu li se nkunu kapaċi nsibu soluzzjoni għal dak li qiegħed jiġri permezz ta’ miżura waħda jew tnejn. Dan għax is-suq tax-xogħol Ew­ropew huwa l-ewwel u qabel kollox wieħed frammentat.  Fi kliem ieħor, dak li jaħdem f’Malta, mhux neċessarjament se jaħdem f’pajjiżi oħrajn fl-Ewropa.

 

 

Irridu nkunu kapaċi nħarsu lejn is-sitwazzjoni preżenti u naċċettaw ċerti realtajiet anke jekk dawn ikunu jidhru koroh.  Irridu nifhmu li f’dinja globa­lizzata u kompetittiva bħalma hija dik li qegħdin ngħixu fiha llum, is-soluzzjonijiet tal-imgħoddi mhumiex neċessarjament validi. Ċerti setturi li kienu parti integrali mis-suq tax-xogħol Ewropew se jintilfu filwaqt li hemm lok li jiġu attirati setturi ġodda minflok. Allura m’għandniex nibżgħu nagħmlu dawk ir-riformi meħtieġa biex naslu fejn irridu naslu.
Biss riforma m’għandhiex titqies bħala xi ħaġa negattiva ‘a priori’. Bħala grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi, nemm­nu bis-sħiħ li kull tip ta’ riforma li sseħħ għandha tkun l-ewwel u qabel kollox waħda li ma tgħakkisx lil min hu l-aktar vulnerabbli. Nemmnu li riformi għandhom ikunu marbutin ma’ viżjoni ta’ soċjetà ġusta fejn kull individwu jkun kapaċi jgħix ħajja dinjituża u jkun jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet kollha tiegħu.

 

 

Huwa biss permezz ta’ soċjetà aktar ġusta li nkunu nistgħu niżguraw li t-tbatijiet li qegħdin naffrontaw illum-il ġurnata ma jerġax ikunu esper­jenzati minn uliedna u ulied uliedna. Għalhekk l-ewwel u qabel kollox irridu niżguraw li noħolqu fl-Ewropa xogħol li jkun sostennibli iżda fuq kollox xogħol li jkun dinjituż.
Fil-kapaċità tiegħi ta’ Viċi President tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u bħala membru tal-“Jobs Contact Group” se nkun qiegħ­da nagħmel l-almu kollu tiegħi ħalli naċċerta ruħi li dawn is-soluzzjonijiet jinstabu u jitressqu ’l quddiem.
Nemmen li flimkien mal-kollegi tiegħi kapaċi naslu għal soluzzjonijiet li jkunu jagħmlu sens u li jħallu l-frott għall-ġid kemm taċ-ċittadini Ewropej u dawk Maltin u l-Għawdxin.

webee_miz

View all posts