IL-KRIŻI ekonomika li laqtet lill-Ewropa f’dawn l-aħħar snin ħalliet effett kbir mhux biss fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies, iżda wkoll fuq il-mod ta’ kif il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jikkalkulaw il-‘per­formance’ ekonomika tagħ­hom. Kien evidenti li ċerti pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ma kinux qegħdin ikunu janalizzaw u jippubblikaw il-kontijiet tagħhom bl-aħjar mod possibbli.

Dan in-nuqqas kien wie­ħed mir-raġunijiet għaliex din il-kriżi splodiet bil-mod kif splodiet.

Biss il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej ma baqgħux idhom fuq żaqq­hom f’dan ir-rigward. F’Marzu tal-2010, il-gvernijiet Ewropej qablu mal-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea fuq stra­teġija komuni li l-ħsieb warajha kien jiżgura li l-Ewropa terġa’ taqbad it-triq ta’ tkabbir ekonomiku sos­tenibbli. Din l-istrateġija tpoġġi ’l quddiem numru ta’ objettivi li l-istati membri, inluż Malta, qablu li għandhom jintlaħqu sas-sena 2020.

Fost dawn l-objettivi nsibu li r-rata ta’ nies fid-dinja tax-xogħol tiżdied għal 75%; it-tnaqqis tad-defiċit għal inqas minn 3%; u tad-dejn għal inqas minn 60% tal-Prodott Gross Domestiku; li jitnaqqsu l-emmissjonijiet fl-arja b’20%; li jonqsu n-numru ta’ nies li joħorġu kmieni mill-iskola għal 10%; u li jonqsu n-nies li jgħixu taħt il-livell tal-faqar b’25%.

Biex dawn l-objettivi jkunu jistgħu jintlaħqu, il-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-pajjiżi membri qablu li għandu jkun hemm proċedura annwali li fiha kull pajjiż ikun jista’ jagħti rendikont dettaljat tal-progress li jkun qiegħed jagħmel.

Dan il-qafas li ġie msejjaħ bħala s-Simestru Ewropew, jiżgura kordinament bejn il-pajjiżi Ewropej u l-Kummissjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mal-politika makro-ekonomika tal-pajjiżi.

Fi kliem ieħor, il-proċess li permezz tiegħu jgħaddi l-baġit tal-pajjiż issa qiegħed ikun ikkordinat fuq livell Ewropew.

Huwa allura proprju fil-kuntest ta’ dan il-proċess li l-ġimgħa li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li Malta kienet reġgħet waqgħet għat-tielet darba minn mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea fl-Excessive Deficit Procedure (EDP). Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni spjegat kif Malta qabżet il-livell ta’ 3% tad-defiċit filwaqt li d-dejn nazzjonali kompla jiżdied għal iżjed minn 70%. Il-Kummissjoni kompliet ukoll billi tat ċans lill-Gvern Malti sa Ottubru ta’ din is-sena sabiex joħroġ bi pjan konkret fuq kif se jnaqqas id-defiċit.

Għalkemm erġajna spiċċajna taħt din il-proċedura, hemm numru ta’ affarijiet pożittivi li nistgħu nieħdu minn din il-ħaġa.

Il-Kummissjoni Ewropea hija marbuta li meta pajjiż ikun kiser dawn ir-regoli timponi fuq il-pajjiż ċerti miżuri sabiex id-defiċit jerġa’ jinżel taħt it-3%. Il-fatt li din id-darba ma ġew imposti fuq pajjiżna ebda tip ta’ miżuri huwa sinjal ċar tal-fiduċja li jgawdi l-Gvern Laburista fi Brussels.

Niftakru li meta l-aħħar darba Malta waqgħet taħt l-EDP, f’Jannar 2012, il- Kummissjoni kienet talbet lill-Gvern Malti biex inaqqas €40 miljun min-nefqa pubblika.

Il-Parlament Ewropew jilgħab rwol importanti ħafna f’dan il-proċess. Wara t-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew akkwista s-saħħa li jkun jista’ jinvestiga aktar mill-qrib il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea u anke tal-istati membri fis-Simestru Ewropew. Il-Parlament Ewropew kien ukoll kapaċi jakkwista setgħa neċessarja sabiex jiżgura li dan il-proċess ta’ sorveljanza jkun wieħed trasparenti kemm jista’ jkun.

Il-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fi ħdan il-Parlament Ewropew, li nagħmel parti minnu jien bħala Viċi President, jilgħab l-aktar parti importanti f’dan il-proċess. It-trasparenza u l-kontabbiltà demokratika huma żewġ prinċipji li bħala Ewro Parlamentari nisħqu fuqhom mingħajr waqfien.

Huwa proprju fid-dawl ta’ dan li l-ġimgħa d-dieħla l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju fuq l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, Olli Rehn, se jkun qiegħed jiltaqa’ mal-kumitat EKON biex jiddiskuti r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni biex toħ­roġ bir-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-pajjiżi membri. F’dawn it-tip ta’ laqgħat il-Kummissarju jkun jista’ jwieġeb għall-mistoqsijiet li aħna bħala Ewro Parlamentari npoġġu qud­die­mu.

Il-proċess tas-Simestru Ew­ropew, għalkemm huwa relattivament ġdid, diġà qiegħed iħalli mpatt fuq il-mod ta’ kif jitmexxew l-affarijiet fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea.

Għalkemm fadal biex dan il-proċess jiġi pperfezzjonat, nemmen li diġà beda jħalli l-frott mixtieq. Bħala Viċi President tal-Kumitat Ekon se nkun qiegħda nagħmel dak kollu possibbli biex dan isir għall-ġid ta’ pajjiżna.

webee_miz

View all posts