Is-solidarjetà hija wie­ħed mill-aktar kunċetti għall-qalb il-Maltin. Biż­żejjed li wieħed jixgħel is-sett tat-televiżjoni tiegħu biex jara kemm bħala poplu aħna lesti li ngħinu lil min hu l-aktar fil-bżonn, kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Dan nagħmluh mingħajr l-ebda interess għax nemmnu li nkunu qegħdin nagħmlu l-ħaġa t-tajba.
Biss, meta dan il-prinċipju ta’ solidarjetà jiġi abbużat, dan joħloq fina ċerta rabja li diffiċli neħilsu minnha. Dan qegħdin narawh bħalissa jiġ­ri wkoll fuq livell politiku Ewropew. Is-solidarjetà hija fil-fatt wieħed mill-prinċipji li fuqhom hi mibnija l-Unjo­ni Ewropea.
Din rajniha taħdem fil-for­mazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-snin 50 u 60, kif ukoll wara l-waqa’ tal-Blokk Sovjetiku fis-snin 90.
Is-sitwazzjoni li nħolqot bil-kriżi ekonomika ġiet impinġija wkoll bħala sitwazzjoni fejn is-solidarjetà bejn il-pajjiżi Ewropej kienet se tkun qiegħda ssalva pajjiżi bħall-Greċja u l-Irlanda mix-xifer tal-falliment. Dawk fost­na li kienu kemmxejn aktar xettiċi staqsew lilhom infushom kemm fir-realtà din is-solidarjetà kienet waħda sinċiera u mhux sempliċiment faċċata mill-gvernijiet biex jipproteġu l-interess ta’ pajjiżhom.
Meta l-Greċja bdiet tiffaċċ­ja diffikultajiet finanzjarji kbar, il-gvernijiet Ewropej flim­kien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali ddeċidew li jsellfu l-flus lill-Greċja biex din ma tfalliex. Kien ntqal lilna li mingħajr dawn il-flus il-Greċja ma kinitx se tkun kapaċi tagħmel ir-riformi li kellhom bżonn isiru biex jer­ġgħu jġibu l-ekonomija fuq saqajha u b’konsegwenza ta’ hekk tfalli. Il-Gvern preċe­denti kien qalilna wkoll li b’konsegwenza ta’ dan is-self li Malta kienet se tagħmel flim­kien mal-pajjiżi l-oħrajn taż-Żona Ewro konna se nispiċċaw li saħansitra nagħmlu l-qligħ!
Sfortunatament din il-ġim­għa, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kellu jgħarraf­na li dan mhuwiex minnu. Raj­na kif minflok dan il-famuż profitt li kellna nagħmlu minn fuq dan is-self, se nispiċċaw nagħ­mlu telf ta’ madwar €10.7 miljun fuq medda ta’ 30 sena. Agħar minn hekk, huwa fatt li l-Gvern preċedenti nneggozja pakkett li permezz tiegħu l-pop­lu Malti u Għawdxi ta kon­tribut ferm ikbar mill-paj­ji­żi oħrajn membri taż-Żona Ewro. Fil-fatt, minn figuri li ħarġu mill-istess seduta Parlamentari, rajna kif filwaqt li l-Maltin ħarġu €3 kull wieħed bħala kontribuzzjoni biex jgħi­nu lill-Greċja, il-Ġermaniżi ħarġu €2.2 biss.
Dan mhux l-uniku każ ta’ diskrepanza ta’ trattament li rajna fil-konfront tal-pajjiżi ż-żgħar. Biżżejjed wieħed iħares lejn l-eżempju tal-mod ta’ kif il-pajjiżi Ewropej ittrattaw lill-Ċipru meta dan il-pajjiż kien għaddej minn problemi simili għal dawk tal-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall. Allura huwa fl-in­te­ress tagħna li bħala l-iżgħar stat membru fl-Unjoni Ew­ropea naraw li din is-solidar­jetà li semmejna aktar ’l fuq ma tkunx biss solidarjetà tal-karta iżda waħda fil-konkret.
Biex dan isir però, hemm bżonn li nxammru l-kmiem u ma nistennewx il-famuża bajt­ra taqa’ f’ħalqna. Kollha kemm aħna għandna għalhekk naħdmu biex mhux biss insemmu leħinna iżda wkoll nitolbu għal dak li hu tagħna bi dritt. Fil-fatt, fil-jiem li ġejjin se nkun qiegħda nressaq Mistoqsija Parlamentari fil-Parlament Ewropew biex inkunu nafu aħjar il-mekkaniżmu ta’ kif l-Unjoni Ewropea waslet għall-konklużjoni li Malta kell­ha tagħti l-akbar kontribuzzjo­ni fost il-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro għall-‘bailout’ Grieg. Deċiżjonijiet bħal dawn jitolbu kontabbiltà u trans­pa­renza u se nkun qiegħda nagħmel dak kollu li hu possibbli biex niżgura li din it-trasparenza tkun assigurata u li ma jkun hemm l-ebda abbuż fil-konfront ta’ Malta.
Mill-banda l-oħra, konvin­ta li l-Gvern Malti mmexxi minn Dr Joseph Muscat se jkun qed jagħmel dak kollu li huwa fil-ħila tiegħu biex jas­sigura li dan it-tip ta’ atteġġjament lejn Malta u l-paj­jiżi ż-żgħar l-oħrajn tal-Un­joni Ewropea jieqaf illum qabel għada. Jekk verament nemmnu f’Ewropa bbażata fuq il-prinċipju tas-solidarjetà allura rridu niżguraw li t-trattament li wieħed jin­għa­ta jkun wieħed li jkun ugwali għal kulħadd irrispettivament mil-liema pajjiż membru jkun ġej.

Nemmen li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu a bażi ta’ kemm wieħed ikun wera bil-fatti li kapaċi jaħdem u jagħmel xogħol siewi għall-bqija tas-soċjetà.  Fil-ħidma tiegħi bħala Membru Parlamentari Ew­ro­pew se nkun qiegħda nagħ­mel dak kollu li nista’ biex niżgura li din il-viżjoni ta’ Ewropa Solidali bba­żata fuq il-meritokrazija u d-dritt tkun waħda reali u mhux biss ta’ fuq il-karta.

webee_miz

View all posts