Il-MPE Marlene Mizzi ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex joħolqu l-ambjent ġust għat-tkabbir u l-espansjoni tal-SMEs u biex itejbu l-aċċess għal finanzi affordabbli.

Waqt l-aħħar sessjoni tal-plenarja fi Strasburgu, il-Membri tal-Parlament Ewropew adottaw għadd ta’ rapporti mmirati biex itejbu l-kompetittività tal-SMEs Ewropej. F’wieħed mill-interventi tagħha, Marlene Mizzi emfasizzat dwar l-importanza li jitwitta l-ambjent ġust u li jinħolqu opportunitajiet għall-SMEs u start-ups.

“L-SMEs u l-mikro-intrapriżi jifformaw 99% tan-negozji kollha fl-Unjoni Ewropea u jipprovdu madwar żewġ terzi tal-impjiegi fl-Ewropa. Huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u huma responsabbli għal 85% tal-impjiegi l-ġodda li jinħalqu. Dan il-fatt jagħmilhom għodda indispensabbli li żżomm l-ekonomija stabbli u li toħloq impjiegi sostenibbli u tkabbir fl-Ewropa. Huwa ta’ importanza assoluta li jinħalaq l-ambjent ġust u jiġu protetti l-SMEs fl-Ewropa,” qalet l-MEP Mizzi.

L-MEP Mizzi spjegat  li waħda mill-akbar sfidi li jiffaċċjaw l-SMEs ta’ kuljum hija l-aċċess diffiċli għal finanzi affordabbli. “L-għodod kurrenti mhumiex biżżejjed u ma jipprovdux l-aċċess neċessarju għall-finanzi. Il-banek joqogħdu lura milli jiffinanzjaw in-negozji, speċjalment jekk huma start-ups jew jekk għadhom fl-ewwel fażi tal-espansjoni tagħhom. Dan joħloq sitwazzjoni li diffiċli ssib tarfha u li jsibu ruħhom fiha l-SMEs – ma jistgħux jikbru jew jibdew għax m’għandhomx il-mezzi meħtieġa, u ma jingħatawx fondi għax ikunu għadhom mhux stabbiliti,” qalet Marlene Mizzi. Sitwazzjoni bħal din hija ostaklu għat-talent intraprenditorjali u għall-possibbiltà ta’ ħolqien ta’ impjiegi.”

“L-SMEs mhux biss jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq il-ħruġ ta’ flus, imma jkollhom ukoll ħafna limitazzjonijiet oħrajn bħall-burokrazija  u spejjeż amministrattivi. Huwa proprju għalhekk li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi, kif ukoll biex il-proċeduri amministrattivi relevanti jitħaffu, ikunu pprovduti informazzjoni kontinwa u taħriġ fuq proġetti, u jittejjeb ir-rwol tal-gvernijiet lokali li jieħdu ħsieb l-użu ġust tal-fondi tal-UE,” qalet l-MEP Marlene Mizzi.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *