Wara l-ewwel prova diżastruża biex ikun hemm limitu fuq ir-roaming mingħajr tariffi żejda għal 90 jum fis-sena, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda biex jitwarrbu t-tariffi tar-roaming tal-mowbajl sa Ġunju 2017. Skont il-proposta l-ġdida, m’għandux ikun hemm limiti fuq il-konsumaturi meta jużaw il-mowbajl waqt li jkunu msefrin fl-Unjoni Ewropea, iżda jkunu jridu jagħtu prova ta’ konnessjoni stabbli mal-istat membru minfejn tkun ħarġet is-SIM card.

Bħala l-kelliema tal-S&D fuq id-drittijiet tal-konsumatur u membru tat-tim ta’ negozjati fuq il-leġiżlazzjoni tar-roaming, il-MPE Marlene Mizzi kkummentat hekk waqt id-dibattitu fil-plenarja: “Il-proposta preċedenti tal-Kummissjoni li tillimita r-roaming għal 90 jum biss kienet assolutament inaċċettabbli. Aħna wegħidna liċ-ċittadini twaqqif sħiħ fuq ir-roaming u mhux vawċer ta’ 90 jum. M’għandux ikun hemm limitu f’termini ta’ ħin jew volum impost fuq il-konsumaturi.”

Ir-regoli l-ġodda fuq il-politika ta’ “użu ġust” jissalvagwardjaw id-dritt ta’ konsumaturi b’bona fide li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom għal roam like at home mingħajr limitazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin jipprevjenu persuni jew kumpaniji diżonesti li jużaw il-mowbajl milli jabbużaw id-drittijiet tar-roaming billi jixtru SIM cards f’pajjiżi fejn huma irħas imbagħad ikomplu jużawhom jew ibigħuhom f’darhom.

“In-nies qegħdin jistennew li minn Ġunju 2017 mhux se jibqgħu t-tariffi tar-roaming. Għaldaqstant, ninsab kuntenta li l-Kummissjoni tat kas ir-reazzjonijiet tagħna bis-serja u ddeċidiet li twaqqa’ l-limitu ta’ ħin fuq ir-roaming. U nilqa’ l-kunċett ġdid ta’ użu ġust għal roaming b’xejn, li huwa avvanza kbir mil-limitu ta’ 90 jum li kien issemma,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.

Madankollu, l-MPE Maltija talbet lill-Kummissjoni biex tiċċara ċerti mistoqsijiet li għad fadal dwar ir-regoli l-ġodda biex tkun garantita protezzjoni tal-konsumatur b’saħħitha. “Irridu nkunu nafu kif, meta u x’se jwassal biex tintuża l-klawżola tal-użu ġust u kif se jkunu protetti l-konsumaturi minn klawsoli kuntrattwali abbużivi u assessjar suġġettiv ieħor. L-operaturi m’għandhomx jimponu piżijiet amministrattivi li m’hemmx bżonnhom jew spejjeż fuq il-konsumatur u jridu jipprovdu aċċess għal proċedura tal-ilmenti sempliċi, effiċjenti u trasparenti,” qalet Marlene Mizzi.

“Huwa normali li ladarba t-tariffi tar-roaming jitneħħew, in-nies jibdew jużaw dan is-servizz aktar. Il-konsumaturi ma jistgħux jiġu ppenalizzati sempliċement għax issa jibdew jużaw servizz aktar, peress li qabel dan kien jiswa wisq. Nistennew li l-konsumatur jingħata dak li kien imwiegħed lilu, jiġifieri, l-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming sa Ġunju 2017, mingħajr klawsoli ambigwi u definizzjonijiet vagi,” temmet tgħid l-MPE Mizzi.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *