L-artiklu li deher fil-KullĦadd ta’ nhar il-Ħadd, 09 ta’ Ottubru, 2016

Nhar il-Ħadd li għadda l-poplu Ungeriż issejjaħ biex jivvota f’referendum biex jgħid jekk jaqbilx jew le mal-pjan tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tar-refuġjati li hemm fil-Greċja u l-Italja b’riżultat tal-immigrazzjoni irregolari. L-Unjoni Ewropea kienet fasslet pjan biex kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea jieħu għandu numru ta’ refuġjati. Kienet tfasslet kwota relatata mad-daqs tal-pajjiż li kien se jilqa’ għandu lir-refuġjati. L-Ungerija ġiet allokata 1,294 refuġjat.

Il-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orban, qatt ma qabel ma’ dan il-pjan. Ried isaħħaħ id-deċiżjoni tiegħu billi jkollu mandat ċar mill-poplu tiegħu. Mandat li jkun jorbot biss jekk mill-inqas joħorġu jivvotaw 50 fil-mija ta’ dawk eliġibbli għall-vot.

Il-persentaġġ ta’ Ungeriżi eliġibbli għall-vot li nhar il-Ħadd li għadda tefgħu l-vot tagħhom kien biss ta’ madwar 44 fil-mija u għalhekk ir-riżultat tiegħu kostituzzjonalment ma jorbotx, anki jekk il-maġġoranza flagranti ta’ dawk li vvotaw appoġġjaw lill-Prim Ministru Orban. Tant li Orban xorta waħda l-ġimgħa d-dieħla se jmur Brussell biex fi kliemu “jassigura li l-Ungerija ma tkunx sfurzata taċċetta nies li ma tridx tgħix magħhom”.

Fil-verità Orban xtaq li jkollu riżultat ferm u ferm aħjar, bit-tama li dak li jkun irnexxielu jagħmel hu, jistimula l-istess ħaġa f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Il-problema tal-immigrazzjoni ilha tissemma’ għal bosta snin issa u forsi bir-raġun ikun hemm min ikun xettiku minn dak li ilu jisma’ imma li fil-konkret jara ftit li xejn.

Aħna, il-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew (S&D), nemmnu li ċ-ċittadini ħaqqhom ferm aħjar u biex jibdew jemmnu fl-UE, iridu jaraw azzjonijiet konkreti u intelliġenti min-naħa tal-istess Unjoni, u mhux biss diskors.

L-immigrazzjoni irregolari trid titwaqqaf mill-għeruq tagħha. Il-faqar, l-instabilità u l-kunflitti huma fost ir-raġunijiet ewlenin għax eluf ta’ persuni qegħdin jagħżlu li jitilqu minn pajjiżhom.

Magħhom inżidu n-nuqqas ta’ libertà politika, l-inugwaljanza, in-nuqqas ta’ opportunitajiet, l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-korruzzjoni, fost raġunijiet oħra. Ladarba nafu l-oriġini tal-problema, l-isforzi tagħna għandhom jiffukaw fuq dawn l-oqsma biex neliminaw is-sitwazzjonijiet li qegħdin iwasslu biex l-immigrant jitlaq minn pajjiżu.

Bl-aktar mod konkret hemm bżonn li ż-żgħażagħ ikollhom aktar opportunitajiet ta’ impjiegi u xogħol aħjar f’pajjiżhom. It-tfal jeħtieġu edukazzjoni ta’ kwalità. In-nisa jridu jingħataw aktar setgħa. Dawn il-bidliet għandhom iwasslu biex dawn il-persuni jibqgħu f’pajjiżhom.

Il-ħolqien ta’ ħitan u għassa mal-fruntieri qatt ma ħallew il-frott mixtieq. Min ma jidħolx mill-bieb, b’xi mod jew ieħor se jsib mod u jidħol mit-tieqa.

Il-grupp S&D qiegħed iressaq dawn l-ideat konkreti fil-Parlament Ewropew fid-dawl tal-kriżi tar-refuġjati li għaddejja fl-Ewropa u l-madwar. Qiegħed jagħmel sejħa għal politika ġdida u ambizzjuża rigward l-Afrika. It-Trust Fund tal-UE għall-Afrika li tnieda fil-Valletta Summit dwar il-Migrazzjoni f’Novembru 2015 sar proprju biex iwassal għal stabilità fir-reġjuni minn fejn qegħdin jitilqu l-immigranti. L-S&D qegħdin nisħqu li l-flus ta’ dan it-Trust Fund jintużaw biex ikunu ffinanzjati l-edukazzjoni, is-settur tal-impjiegi, il-governanza tajba u proġetti ambjentali, u mhux jinħlew fuq kontrolli mal-fruntieri, li fl-aħħar mill-aħħar urew li ma jagħtux riżultati mixtieqa. Dawn il-fondi għandhom ikunu mmoniterjati aħjar mill-Parlament Ewropew għax s’issa m’hemmx trasparenza biżżejjed fuq l-użu tagħhom.

Irridu nkunu kostruttivi u pożittivi biex naslu għal riżultati importanti. Kliem fieragħ mingħajr sustanza jwassal biss għal ħela ta’ ħin prezzjuż.

webee_miz

View all posts