Fil-qasam tan-negozju tissemma ħafna l-frażi “s-suq isuq”. Fi kliem aktar sempliċi dan ifisser li jkollok timxi mal-kurrent. Madankollu ma jfissirx li dan għandu jkun applikat dejjem u f’kollox. Il-fatt li timxi mal-kurrent minnu nnifsu jista’ jfisser li ma tkunx stabbli – speċjalment meta l-kurrent ikun imqalleb! Ma tkunx stabbli wkoll, għax tista’ tinqabad f’kurrent li momentarjament tista’ tinterpretah bħala li qed jgħinek, imma tista’ tinqabad f’kurrent li jkissrek. U allura, li tagħraf li toħloq stabbiltà jgħinek toħloq serħan il-moħħ fl-isfera li tkun qed tapplikaha. Toħloq serħan il-moħħ għax tkun tista’ tippjana għal tul sostanzjali ta’ żmien.

Fil-jiem li għaddew pajjiżi produtturi taż-żejt iddeċidew li jnaqqsu l-produzzjoni. Deċiżjoni li b’mod awtomatiku fissret li nħoloq żbilanċ bejn id-domanda u l-provvista. Awtomatikament fissret ukoll li għola l-prezz taż-żejt b’mod sostanzjali. Il-konsegwenza loġika ta’ dan fissret ukoll li jkollhom jogħlew il-prodotti taż-żejt; ikollu jogħla l-prezz tal-enerġija.

Hekk ġara, u hekk se jiġri, fil-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi li ma jipproduċux żejt. Hekk jiddetta l-kurrent……ladarba timxi miegħu. Mhux hekk f’pajjiżna. Il-Gvern attwali mbarka fuq sistema differenti minn dik li kien jadotta Gvern Nazzjonalista sa qabel Marzu 2013. Gvern Nazzjonalista kien jemmen li jimxi mal-kurrent, li jsuq skont is-suq. U għadu jemmen hekk. Jekk mhux b’konvinzjoni, biex żgur jopponi dak kollu li jagħmel jew jipproponi Gvern Laburista.

U huwa hawn fejn irridu nipparagunaw dak li kien isir taħt Gvern Nazzjonalista ma’ dak li qiegħed isir taħt Gvern Laburista f’dan is-settur, fis-settur tal-enerġija. Gvern Nazzjonalista kien jemmen li għandu jiddependi u jgħix mal-prezz tal-ġurnata bil-konsegwenza li kull l-aħħar tax-xahar kien ikollna nistennew biex naraw kemm se jkun il-prezz tad-diesel u tal-petrol mill-għada. Konna nistennew b’kemm se jiżdied il-prezz għall-konsum tad-dawl u l-ilma. Konna nistennew b’kemm se tkun is-soprataxxa fuq il-kontijiet.

Sitwazzjoni li ma kienet tħalli lil ħadd stabbli. Staqsu lil min hu fin-negozju x’inċertezza kienet tinħoloqlu kull l-aħħar tax-xahar għax ma kienx ikun possibbli tippjana fit-tul.
Imma ferm agħar minn hekk kienet is-sitwazzjoni li anke jekk il-prezz taż-żejt kien kultant jorħos xi ftit, xorta waħda dan ma kienx ikun rifless fil-kontijiet li kienu jaslulna fid-djar tagħna. Il-konsegwenza għal dan jafha kulħadd: tieħu qatgħa kull darba li jasallek il-kont tad-dawl u l-ilma.

F’sitwazzjoni fejn il-pajjiż ma setax jibqa’ sejjer hekk, fejn il-kont tad-dawl u l-ilma kien jikollok parti sostanzjali mis-salarju, l-Oppożizzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien, immexxija minn Dr. Joseph Muscat, ippreżentat mozzjoni fil-Parlament biex il-Gvern iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u biex dawn jinżammu stabbli għal perjodu speċifiku.

Gvern Nazzjonalista ma riedx jiċċaqlaq mill-kurrent tas-suq isuq. Mhux talli ma riedx jiċċaqlaq, talli fil-Parlament konna smajna dikjarazzjonijiet xokkanti. Konna smajna lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dr. Lawrence Gonzi, jiddikjara li kien se jivvota ‘’bil-qalb’’ kontra l-mozzjoni. Konna smajna lill-Eks-Ministru tal-Finanzi, Tonio Fenech, jiddikjara li l-poplu kien se jkollu jidra jħallas kontijiet għoljin. L-unika soluzzjoni li kien ħareġ biha Gvern Nazzjonalista kienet proposta biex il-ħasla tal-ħwejjeġ issir matul il-lejl peress li għal dak il-ħin kien se jkun hemm rati differenti.

Id-deċiżjoni tal-jiem li għaddew mill-pajjiżi produtturi taż-żejt ikkawżat xokk qawwi. Ir-reazzjoni immedjata kienet li jiżdiedu l-prezzijiet tal-fuel u ta’ kull forma ta’ enerġija. Mhux hekk f’pajjiżna.

F’pajjiżna bqajna għaddejjin bl-istess ritmu li konna għaddejjin bih qabel id-deċiżjoni tal-pajjiżi produtturi taż-żejt.

Ebda negozju ma kellu għalfejn jirrevedi l-pjanijiet tiegħu. Ebda produttur ma kellu għalfejn jirrevedi ’l fuq il-prezz tal-produzzjoni. Reviżjoni li finalment tispiċċa riflessa fil-prezz li jkollu jħallas il-konsumatur. Li kien jiddependi mill-Partit Nazzjonalista hekk kien ikollu jsir. Li kien għall-Partit Nazzjonalista kien ikollna splużjoni fil-kontijiet tal-enerġija, fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Li kien jiddependi mill-Partit Nazzjonalista erġajna lura għas-sitwazzjoni fejn tibża’ tiftaħ il-kaxxa tal-ittri li ma tmurx issib il-kont tad-dawl!

Wieħed seta’ faċilment jinnota li l-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista żammew skiet li jtarrax dwar dak li ddeċidew il-pajjiżi produtturi taż-żejt. Ir-raġuni għal dan ma tridx tkun xi għaref straordinarju biex tasal għaliha. Ma jridux jgħidu lill-poplu Malti u Għawdxi illi li kien għalihom reġgħu għolew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

U issa tista’ taħsel il-ħwejjeġ fil-ħin li trid!

Dan hu l-aħħar artiklu tiegħi qabel il-Milied u għalhekk nieħu l-opportunità biex nixtieq lilkom il-qarrejja u l-għeżież tagħkom Milied ħieni u sena ġdida mimlija b’dak kollu li tixtieq qalbkom.

webee_miz

View all posts