Għadna kemm bdejna sena ġdida; nittama li intom u l-familji tagħkom temmejtu s-sena 2016 u bdejtu s-sena 2017, bil-mod kif xtaqtu. Għal pajjiżna, u allura għalina lkoll, is-sena 2017 se tkun tfisser impenn qawwi, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu kemm ilna li sseħibna bħala membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea. Għal dawn is-sitt xhur li ġejjin u li għadna kemm bdejna, Malta se jkollha f’idejha t-tmexxija tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Dan mhux impenn faċli. Jitlob minna lkoll determinazzjoni. Jitlob għaqda. Jitlob ukoll prudenza, mhux b’sens ta’ inferjorità minkejja li nibqgħu konxji mil-limitazzjonijiet tagħna – Limitazzjonijiet li joħorġu mid-daqs ta’ pajjiżna, l-iżgħar pajjiż Ewropew – iżda b’sens ta’ għaqal.

Huwa f’dan l-isfond li jinkwadra kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-indirizz tiegħu lin-nazzjon fl-okkażjoni ta’ bidu ta’ sena ġdida: “Iżda filwaqt li nżommu saqajna mal-art u nifhmu li għandna l-limitazzjonijiet tagħna, irridu nqumu għall-okkażjoni u nagħmlu minn din il-Presidenza Ewropea suċċess. Suċċess għall-Ewropa li għandha sfidi kbar quddiemha. Iżda wkoll suċċess għal pajjiżna li se juri li d-daqs ta’ pajjiż mhuwiex ta’ xkiel, anzi jista’ jkun ta’ vantaġġ.”

Huwa kliem li jsaħħaħlek il-kuraġġ lejn dan l-impenn qawwi għal pajjiżna. Kulħadd huwa konxju mill-problemi li tinsab imdawra bihom l-Unjoni Ewropea; problemi interni, fosthom id-deċiżjoni tal-poplu tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni; u oħrajn esterni bħalma hija l-problema tal-migrazzjoni kkawżata primarjament minn influss qawwi ta’ nies minn kontinenti differenti minn dak tagħna.

Kull wieħed u waħda minna nafu kif il-baħar li jdawwarna, il-Baħar Mediterran, bela’ eluf ta’ nies, minn kbar fl-età sa tfal, trabi u saħansitra ommijiet bi trabi fil-ġuf. Hija problema kbira li pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, ħadem bla serħan biex jagħmel dak kollu possibbli biex dan il-fenomenu kattiv ikun kontrollat kemm jista’ jkun. Fenomenu kattiv għax meta tqis li għandek ċirku ta’ nies li għall-gwadann finanzjarju jkunu lesti jwiegħdu l-ġenna fl-art lil tant eluf ta’ nies li jkunu għażlu li jitilqu minn pajjiżhom bit-tama li jkollhom futur aħjar mill-preżent ta’ pajjiżhom.

Ħadd ma jissogra ħajtu u ħajjet familtu b’kapriċċ, b’sogri tant kbar.

Minkejja li l-problema tal-migrazzjoni kienet diskussa f’numru ta’ laqgħat, minn daqqiet pjanati minn qabel u minn daqqiet kawżati minn traġedji kbar waqt it-traġitt, baqgħu ma nkisbux ir-riżultati meħtieġa. U din hija ħasra. Ħasra u diqa meta tara li saħansitra mhux dejjem twettaq fil-konkret dak li dwaru jkun hemm qbil mhux biss fuq prinċipju imma wkoll fuq implimentar ta’ dak miftiehem u maqbul.

Din hija problema li Malta se ssib f’ħoġorha tul dawn l-ewwel sitt xhur ta’ sena ġdida. Magħha mistenni jkun hemm it-talba formali tar-Renju Unit biex jinbeda l-proċess tat-tluq tiegħu mill-Unjoni Ewropea. Proċess li ma jistax ma jnissilx diqa. Proċess li minnu nnifsu jfisser daqqa ta’ ħarta lill-prinċipju ta’ għaqda.

Dak li qed jiġri fuq il-periferiji tal-kontinent Ewopew u li konsegwenza tiegħu l-Ewropa kellha, u qed ikollha tiffaċċja problemi kbar ikkawżati minn migrazzjoni sfurzata jingħaqad mat-theddida kontinwa tat-terroriżmu. Kellna aktar minn eżempju wieħed ta’ episodji mdemmija u imwiet ta’ nies innoċenti.

Huma kollha sfidi kbar li b’xi mod jew ieħor se jsibu posthom fuq il-mejda tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Sfidi li jitolbu mit-tmexxija ta’ pajjiżna, minna lkoll, impenn, rieda u determinazzjoni li nagħmlu dak kollu possibbli biex dawn l-isfidi jekk ma jingħelbux kompletament ikunu kkontrollati.

Konvinta li dan l-impenn, din ir-rieda, din id-determinazzjoni qiegħda fina lkoll biex fi tmiem is-sitt xhur tal-Presidenza inkunu nistgħu nħarsu lura u ngħidu li dmirna qdejnih kif mistenni u b’suċċess. Irridu nħarsu lura u, kburin nikkonfermaw dak li diġà nafu: Malta hi pajjiż żgħir, imma nazzjon kbir.

webee_miz

View all posts