Il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza assoluta rapport fuq metodu integrat għall-Politika għall-Isport, li tiegħu l-MPE Marlene Mizzi hija l-kelliema ewlenija għall-Grupp tal-S&D fil-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Fl-ewwel kummenti tagħha wara l-vot, Marlene Mizzi qalet li “l-isport mhuwiex biss attività li tagħmel ġid lis-saħħa fiżika u mentali tagħna. L-isport huwa ferm aktar minn hekk. Huwa l-aktar settur li qed jikber malajr u jikkontribwixxi bil-kbir fl-ekonomija tal-Unjoni Ewropea. Huwa fenomenu soċjali li qed jikber u jagħti kontribut soċjali, edukattiv u kulturali importanti billi jippromwovi valuri komuni bħat-tolleranza, is-solidarjetà, l-inklużjoni soċjali, ir-rispett u l-ftehim bejn in-nazzjonijiet u l-kulturi differenti.”

Minkejja l-valuri pożittivi li l-isport jgħaddi lis-soċjetà u l-ekonomija, l-iskandli li reġgħu feġġew riċentament f’ċerti sports affettwaw ħażin u ħassbu lill-opinjoni pubblika u għamlu ħsara lir-reputazzjoni tal-isport li nfirxet lil hinn mid-dinja sportiva. Dawn qajmu tħassib serju dwar il-ħtieġa ta’ riforma ġenwina tal-Politika Ewropea għall-Isport, qalet Marlene Mizzi.  “Is-settur tal-isport qed jiffaċċja għadd ta’ sfidi bħall-korruzzjoni, it-tixħim, ix-xiri tal-logħob, id-doping, l-esplojtazzjoni tal-atleti, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni. Bħala shadow rapporteur tal-S&D fuq dan ir-Rapport, ippruvajt nindirizza dawn l-isfidi kollha billi nipproponi soluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet konkreti.”

Marlene Mizzi: “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir meta nara r-riżultat pożittiv li ksibna b’dar-Rapport. Aktar minn hekk, huwa ta’ sodisfazzjon li nara qbil ġenerali mill-partiti politiċi kollha b’appoġġ għar-rakkomandazzjonijiet tiegħi. L-objettivi ewlenin tiegħi kienu li nippreservaw l-isport kif nafuh billi ntejbu l-governanza tajba tal-organizzazzjonijiet tal-isport u neliminaw il-ksur tal-integrità, li ta’ spiss jirreferu għall-valuri li jġib miegħu u jirrappreżenta l-isport, bħall-fair play, is-solidarjetà jew it-team spirit.”

“Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħi, iffokajt fuq li nippromwovi l-politika għall-isport li żżid il-parteċipazzjoni f’attivitajiet fiżiċi regolari; tindirizza d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u x-xenofobija; tiġġieled id-doping, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn; tilqa’ l-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi; tassigura aċċess inklussiv b’mod partikolari għal persuni b’diżabbiltà; u ttejjeb l-aċċess għal edukazzjoni akkademika u professjonali ta’ kwalità għall-atleti,” qalet l-MPE Mizzi. “Nuqqas ta’ azzjoni b’attenzjoni lejn dawn l-aspirazzjonijiet iħalli lill-isport jissielet ma’ kwistjonijiet ta’ korruzzjoni, doping u abbużi.”
__

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *