Waqt preżentazzjoni tal-programm tal-Presidenza tal-Kunsill fi ħdan is-Suq Intern u l-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO), l-MPE Marlene Mizzi talbet lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Malti, Dr Chris Cardona, biex jassigura li l-wegħda li saret mill-Parlament Ewropew liċ-ċittadini għall-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming, tinżamm. Mizzi talbet lill-Presidenza biex tassigura li r-riforma tas-suq tar-roaming bl-imnut u bl-ingrossa tkun ambizzjuża biżżejjed li tippermetti l-abolizzjoni vera tal-ħlas għar-roaming f’Ġunju 2017 billi jitbaxxew il-limiti tal-prezzijiet bl-ingrossa għar-roaming, filwaqt li fl-istess ħin ikun assigurat li ma jkunx hemm żidiet fil-prezzijiet fuq livell nazzjonali.

Aktar minn hekk, l-MPE Mizzi ħeġġet lill-Ministru biex itejjeb b’mod ġenerali l-investiment u l-ekosistema għall-intrapriżi żgħar u medji fl-Ewropa.

“Sodisfatta li qed nara l-Presidenza Maltija qed timmira biex taħdem fuq inizjattivi differenti biex ittejjeb l-ekosistema ġenerali għall-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju. Ninkoraġġik biex tieħu passi konkreti u timplimenta l-Inizjattiva ta’ Start-up u Scale-uptal-Kummissjoni u tippromwovi l-attivitajiet tal-intraprenditorija fl-Ewropa,” qalet l-MPE Mizzi lill-Ministru Chris Cardona.

Waqt l-intervent tagħha, Marlene Mizzi qalet: “Aktar minn qatt qabel irridu noħolqu l-ambjent ġust għall-SMEs u l-intraprendituri billi nelimnaw l-ostakli u billi nadottaw inċentivi adegwati, bħall-aċċess għal finanzjament affordabbli u permezz ta’ ħiliet u għarfien espert xierqa.”

Il-Ministru Cardona wieġeb li l-metodi ta’ finanzjament tradizzjonali fallew u hemm bżonn soluzzjonijiet ġodda biex isaħħu l-ekosistema għal start-ups u SMEs. Il-Ministru kkonferma li l-Presidenza se torganizza Konferenza tal-Kunsill informali dwar dan is-suġġett u se tipprova mudelli nazzjonali ta’ suċċess li ġew adottati f’Malta, bħall-Family Business Act bħala soluzzjonijiet adatti fuq livell Ewropew. Huwa kkonferma wkoll li l-Presidenza hija kommessa li taħdem biex jiġu aboliti t-tariffi tar-roaming sa Ġunju 2017.

________

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *