Il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda storika għal pajjiżna; immarkata l-aktar bis-summit  tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-mod kif se tkun trattata l-problema enormi tal-migrazzjoni irregolari.

Kienet storika wkoll għax il-famuż pastizz Malti kien kważi fl-aħbarijiet daqs is-summit!

Apparti ċ-ċajt! Wieħed mis-suġġetti diskussi u  li kien hemm qbil fuqu  bejn il- mexxejja  tal-pajjiżi tal- UE kienet il-migrazzjoni. Dwar dak maqbul fil-konfront tal-problema tal-migrazzjoni irregolari ngħad ħafna. Kien hemm, u għad hemm, ottimiżmu u kien hemm u għad hemm xettiċiżmu dwar dak maqbul.

Dak li hu żgur huwa li llum l-Unjoni Ewropea twasslet biex tifhem li l-problema tal-migrazzjoni irregolari hija problema ta’ kulħadd. Veru li l-UE bdiet tirrealizza dan ħafna tard. Għax jekk  xejn, is-summit ta’ Malta serva biex l-UE toħroġ solidali. Għax ngħiduha kif inhi, kienet tistona l-pożizzjoni li dejjem ittieħdet fi ħdan l-UE, dik li flok ħidma kollettiva kien hemm pajjiżi li dejjem żammew lura primarjament għax huma ma kinux milqutin direttament. Kienet pożizzjoni li dgħajfet bis-sħiħ il-prinċipju tas-solidarjetà.

Il-problema tal-migrazzjoni irregolari ma bdietx ilbieraħ. Sfortunatament l-pożizzjoni li dejjem ittieħdet fi ħdan l-UE kienet li primarjament, jekk mhux unikament, din kienet problema tal-pajjiżi milqutin minnha l-aktar u direttament. Pajjiżi bħalna, bħall-Italja, Spanja u l-Greċja. Il-pajjiżi li għandhom parti mill-fruntieri tagħhom jmissu mal-Mediterran, b’pajjiżna kompletament imdawwar minn dan il-baħar.

Ma jridx ikollok memorja ta’ ljunfant biex tiftakar dan li qegħda ngħid. Kien sar ħafna daqq ta’ trombi meta kien intlaħaq il-ftehim tas-suppost burden sharing, fejn kull pajjiż kellu jġorr biċċa mill-problema. Niftakru Ministru wara ieħor u anke lill-eks-Prim Ministru Gonzi jaslu lura Malta ferħanin b’tali ftehim,  mingħajr ma jingħad li l-burden sharing kien fuq bażi volontarja. Jekk trid tagħmlu u jekk ma tridx ma tagħmlux. Hafna ma ghamluhx! Kien ftehim li ma jiswiex il-karta li inkiteb fuqha. Aktar kienu ħadu refuġjati l-Istati Uniti milli ħadu l-pajjiżi kollha f’daqqa li jiffurmaw l-UE. Issa, dan il ftehim, grazzi għas-Sur Trump, spiċċa wkoll!

Sadattant bdew jintilfu l-eluf ta’ ħajjiet fil-Mediterran filwaqt li eluf fuq eluf bdew jitwasslu fuq ix-xtut Taljani u joħolqu kriżi f’dak il-pajjiż. Madankollu l-pożizzjoni tal-UE baqgħet l-istess sakemm faqqgħet il-kriżi Sirjana u bdejna naraw l-eluf kbar ta’ Sirjani u oħrajn jaħarbu lejn it-Turkija biex minn hemm jaqsmu għal pajjiżi fl-Ewropa, primarjament il-Ġermanja. Sadattant beda influss ieħor qawwi wkoll mill-baħar lejn il-gżejjer Griegi.

Konsegwenzjalment faqqgħet il-kriżi Torka u bdew anke litteralment jittellgħu l-‘ħitan’. Il-pajjiżi tal-UE issa bdew jifhmu li l-problema nfirxet u bdiet tolqot pajjiżi li sa ftit tas-snin ilu ma kinux joħolmu li jintlaqtu. Tul dan iż-żmien kollu bdiet tiżdied il-pressjoni minn pajjiżi bħalna u bħall-Italja li ma setgħetx tibqa’ l-attitudni li kienet qiegħda taġixxi biha l-UE.

Ikun inġust, hu min hu u għal liema skop ikun, min jipprova jċekken il-ħidma kbira u kollettiva li għamlu fil-konfront tal-migrazzjoni irregolari l-Prim Ministru  Joseph Muscat u l-eks-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi.

Huwa fatt magħruf li l-ħidma klandestina u kriminali tat-traffikar uman fil-Mediterran kibret wara li b’xi mod ngħalqet ir-rotta mit-Turkija. Tkattret il-ħidma klandestina mil-Libja, pajjiż sfortunatament imfarrak u mifni bi problemi interni. Il-Libja fil-verità hija eżattament kif ġiet deskritta: passatur. Minnha jgħaddi kulhadd u  bl-addoċċ.

U allura jagħmel ħafna sens li l-problema tkun miġġielda qabel it-tluq tal-migranti irregolari mil-Libja. Idealment m’għandux ikun hemm sitwazzjonijiet fejn minn pajjiżi diversi jaħarbu l-miljuni ta’ ċittadini. Imma dak huwa l-ideali u mhux l-attwali.

Bil-ftehim tas-summit ta’ Malta l-UE kkommettiet miljuni kbar ta’ ewro biex jittejbu l-kampijiet tal-migranti fil-Libja u biex ikun hemm sorveljanza  u kontroll aktar effikaċi fuq il-kosta Libjana. Dan filwaqt li jkun għaddej il-proċess għal ħolqien ta’ kurituri umanitarji biex ikun hemm migrazzjoni regolari u fl-istess ħin tingħalaq l-ingassa m’għonq il-kriminali li qegħdin jistagħnew minn fuq din it-traġedja umana.

Pero’  personalment xtaqt ukoll li l-mexxejja tal-UE jagħmlu aktar  enfasi fuq il- bżonn li ngħinu lil dawn in-nies f’pajjiżhom stess. Nindirizzaw il-problema  qabel ma jitilqu. Qabel ma jkollhom bżonn jaħarbu minn pajjiżhom.  Jekk ma nagħmlux hekk il- problema se tibqa’ hemm ad aeternum!

Issa, x’konna qed ngħidu fuq il-pastizz ..?

webee_miz

View all posts