Il-Membru Parlamentari tal-Parlament Ewropew, Marlene Mizzi, laqgħet il-programm Ewropa għaċ-Ċittadini u qalet li dan huwa għodda ewlenija biex jissaħħaħ sens ta’ ċittadinanza u appartenenza Ewropea, li qatt ma kien importanti daqs kemm huwa llum. Iżda fl-istess waqt hija talbet għall-infurzar u ż-żieda fil-baġit, il-proġetti u l-miri tal-programm.

L-MPE Mizzi għamlet l-istqarrija tagħha waqt id-dibattitu fil-plenarja fi Strasburgu lbieraħ filgħodu, fejn il-Membru Parlamentari Ewropej iddiskutew u vvotaw fuq rapport dwar rakkomandazzjonijiet għall-futur biex jittejjeb il-programm Ewropa għaċ-Ċittadini.

“L-Ewropa għaddejja minn żminijiet ta’ sfida, li qed jheddu l-pedament u l-eżistenza tal-proġett Ewropew. L-Unjoni Ewropea trid terġa’ tilħaq liċ-ċittadini tagħha billi tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ċivika u tgħin biex in-nies jifhmu aħjar l-istorja u d-diversità tagħha. Huwa għalhekk li nappoġġja dan il-proġett, li huwa strument ewlieni biex niksbu dan,” qalet Marlene Mizzi.

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Maltija temmen li ċittadinanza attiva, l-edukazzjoni u d-djalogu interkulturali huma ta’ importanza kbira biex nibnu soċjetà miftuħa u inklussiva. “Il-programm s’issa kien suċċess u laħaq aktar minn seba’ miljun ċittadin f’eluf ta’ bliet u rħula madwar l-Ewropa billi ppromwova l-valuri u l-ideali tal-Unjoni Ewropea.”

Fl-aħħar rimarki tagħha, Marlene Mizzi qalet li “huwa importanti li l-programm jiffoka mhux biss fuq l-isfidi tal-imgħoddi, iżda anke fuq dawk tal-ġejjieni u kurrenti bħall-migrazzjoni, ir-radikalizzazzjoni u l-inklużjoni soċjali. L-Istati Membri għandhom ikunu aktar involuti attivament u jappoġġjaw il-programm, u jtejbu l-għarfien tal-profil tal-programm billi n-nies isiru aktar konxji tiegħu.”

Hija ħeġġet ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dan ir-rapport, li għandhom jgħinu biex jintlaħqu l-aktar ċittadini possibbli u jgħinuhom jifhmu aħjar l-Unjoni Ewropea u jtejbu l-kundizzjonijiet għal parteċipazzjoni ċivika u demokratika diretta u djalogu ħaj bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha.
__

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *