Waqt id-dibattitu tal-EU Sport Forum dwar “prattiċi ta’ governanza tajba fl-isport Ewropew u l-wegħda tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-organizzazzjonijiet tal-isport”, l-MPE Marlene Mizzi qalet li l-governanza ħażina tikkomprometti l-influwenza pożittiva tal-isport, speċjalment fuq iż-żgħar, għat-tixrid ta’ valuri soċjali.

L-MPE Marlene Mizzi kienet waħda mill-kelliema fl-EU Sport Forum 2017, li ttella’ fit-8 u d-9 ta’ Marzu f’Malta. L-avveniment iffoka fuq aspetti varji tal-isport inklużi: il-vjolenza tal-ġeneru; il-kontribut tal-isport għat-tkabbir u l-impjiegi; ir-rwol tal-voluntarjat; teknoloġiċi innovattivi u diġitali; l-anti-doping; l-impatt ambjentali; u l-prattiċi ta’ governanza tajba. Marlene Mizzi kienet mistiedna tiddiskuti l-prattiċi ta’ governanza tajba li dejjem qegħdin jevolvu fl-isport Ewropew u l-wegħda tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-organizzazzjonijiet tal-isport flimkien ma’ janez Kocijancic, l-Aġent President tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej (EOC), u l-moderatur Michael Pedersen, espert rikonoxxut internazzjonalment fuq governanza sportiva, trasparenza, etika u integrità.

Matul l-avveniment, l-MPE Mizzi tkellmet dwar l-aktar rakkomandazzjonijiet kritiċi tal-governanza fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar approċċ integrat fil-politika dwar l-isport, b’attenzjoni partikolari fuq il-governanza tajba, l-aċċessibilità u l-integrità. Mizzi kellha rwol strumentali bħala shadow rapporteurbiex sar ir-rapport ippubblikat riċentament mill-Kumitat tal-Kultura u l-Edukazzjoni (CULT).

“Illum qegħdin nirrealizzaw li jekk irridu nippreservaw l-isport kif nafuh, irridu niksbu mill-ġdid il-fiduċja tan-nies fil-valur pożittivi tiegħu, kemm jekk għal skopijiet ta’ rikreazzjoni, kif ukoll għal sport organizzat, każwali jew kompetittiv,” qalet Marlene Mizzi. “Iżda biex nagħmlu dan, irridu ntejbu l-governanza tajba fl-organizzazzjonijiet sportivi u neliminaw il-ksur tal-integrità fl-isport, li ta’ spiss hija marbuta mal-valuri li jġib miegħu l-isport, bħall-fair play, is-solidarjetà jew l-ispirtu ta’ tim.”

Filwaqt li rrikonoxxiet li l-isport jeħtieġlu tmexxija responsabbli u trasparenti, l-MPE Mizzi qalet li l-ammonti ta’ flus li dejjem qed jiżdiedu u jiċċirkolaw fis-settur tal-isport u fl-organizzazzjonijiet involuti, jitlob għal governanza aħjar.

Fir-rimarki tagħha, Marlene Mizzi qalet li “għalkemm il-leġiżlazzjoni versus l-awtonomija hija kwistjoni sensittiva, jekk l-organizzazzjonijiet tal-isport jemmnu li huma trasparenti u responsabbli, m’għandhomx isibu oġġezzjoni jekk il-leġiżlazzjoni tinvestiga l-awtonomija tagħhom.”

Bosta kelliema pparteċipaw fl-Isport Forum, fosthom il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics u s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Chris Agius.

__

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *