Artiklu li deher fil-gurnal KullHadd tal-Hadd 12 ta’ Marzu, 2017

Studju mħejji riċentement minn PwC Malta li jittratta l-obeżità f’pajjiżna wera li din il-kundizzjoni fost l-adulti, is-sena li għaddiet swiet lill-pajjiż madwar €36 miljun; 66% minnhom f’termini ta’ spiża diretta. Meta jingħad spiża diretta jkunu jinkludu flus li ntefqu fuq mediċini, fuq kura primarja u fuq kura fl-isptarijiet.
Mhix l-intenzjoni tiegħi li nittratta direttament l-obeżità, li sfortunatament hija evidentissima fost il-popolazzjoni tagħna, partikolarment it-tfal. L-obeżità hija xi ħaġa konsegwenzjali, relatata ma’ dak li kelli f’moħħi għal din il-kitba. Xtaqt li nagħti ħarsa lejn l-isport, f’kull forma tiegħu, minn lenti ta’ vantaġġi li jġib miegħu bħala mezz ta’ inklużjoni; għas-saħħa u bħala deterrent kontra kundizzjonijiet bħalma huma l-obeżità u d-dijabete.

Wisq nibża’ li meta nisimgħu l-kelma SPORT x’aktarx li l-ewwel ħsieb imur dak professjonali, bħalma huwa l-futbol, it-tenis, il-basketball, il-ġinnastika u ħafna sport ieħor. Il-kelma SPORT għandna nittrattawha l-aktar minn lenti ta’ eżercizzju fiżiku jew ta’ kompetizzjoni. Irridu nħarsu lejn l-isport minn lenti ta’ prevenzjoni b’għan għal ħajja aħjar. L-eżerċizzju fiżiku, anke jekk f’limitu, magħdud ma’ dieta tajba, jgħin biex jiggarantixxi ħajja aħjar.

M’hemm ebda dubju li tista’ tgħid kull wieħed u waħda minna qegħdin ngħixu ħajja ta’ ġlieda kontinwa kontra l-ħin. Ġlieda li tista’ tgħid qegħdin nitilfuha għax insibu ħin għal kollox barra għalina nfusna fil-veru sens tal-kelma. Meta niġu biex infasslu l-ħin tal-ġurnata x’aktarx li ma nsibux ħin għal ftit eżerċizzju fiżiku, narawh żejjed, telf ta’ ħin. Jew forsi għax għażżenin!

Il-ġlieda kontra l-ħin qegħdin nitilfuha wkoll fejn jirrigwarda preparazzjoni ta’ ikel nutrittiv. Ma rridx nitqies li qiegħda npoġġi lil kulħadd f’keffa waħda. Imma ma naħsibx li nkun wisq bogħod mir-realtà meta ngħid li anke fejn jidħol ikel x’aktarx li ‘għax m’għandix ħin nipprepara’ allura nirrikorri għal dak li nista’ nixtri lest. Kemm insaħħnu. Ovvjament, prodotti li fuq l-ingredjenti tagħhom m’għandna ebda kontroll. Il-ħajja mgħaġġla qiegħda tiddettalna wkoll kemm nieħdu ħsieb ta’ saħħitna.

Agħar minn hekk huwa fejn jidħlu t-tfal. Inħossni skandalizzata meta nsir taf b’każijiet ta’ ġenituri li jmorru għand l-amministraturi tal-iskejjel jitolbu biex uliedhom, għal xi raġuni jew oħra, ikunu eżentati minn lezzjonijiet ta’ eżerċizzju fiżiku jew sport. Sadattant daqsi tafu li għandna kultura fejn lil uliedna qegħdin nippressaw kemm nifilħu sa minn etajiet żgħar ħafna “biex ikunu preparati kemm jista’ jkun akkademikament”. Konvinta li bħali u daqsi taraw ġenituri jiġru b’uliedhom għal-lezzjonijiet privati immedjatament malli jaslu mill-iskola, jekk mhux minn fuq l-għatba tal-iskola stess! Naf ukoll ġenituri li jipprotestaw mal-għalliema li t-tfal tagħhom m’għandhomx ‘homework’ biżżejjed. Fil-verità il-kelma “tfulija” wisq nibża’ li ma tinkwadrax fil-ħajja tat-tfal tal-lum. It-tfulija taħrab malajr. Ejja ma nisirquhilhomx lit-tfal tagħna!

Min-naħa l-oħra ma nistax ngħid li ma napprezzax il-kontribut li jingħata minn ħafna klabbs fir-rigward ta’ nurseries fejn l-attendenzi mit-tfal jidhru inkoraġġanti.

Ikun ferm tajjeb jekk l-isport nagħtuh dimensjoni addizzjonali ma’ dik li jingħata bħalissa, almenu minn bosta. Ikun tajjeb jekk inħarsu lejn l-isport bħala mezz ta’ inklużjoni, fis-sens li ma joffri ebda barriera, ma jħarisx lejn uċuħ, għajr li tkun preparat fiżikament. Li tipparteċipa f’dixxiplina sportiva ma jfissirx b’mod tassattiv li tikkompeti għal xi unur. Imma ferm aħjar milli tikkompeti għal xi unur ikun ifisser żgur li żżomm ruħek fiżikament tajjeb. Jekk tirbaħ tajjeb ukoll!

Dan iġibni lura għal dak li bdejt bih. Li tipparteċipa f’xi forma ta’ sport, li abbażi t’hekk iżżomm ruħek fiżikament tajjeb, tkun qed tilqa’ kontra diversi mard, fosthom id-dijabete u l-obeżità. Nappellalek li jekk għadek m’intix tagħmel dan, tibda tagħmlu u tinsisti mal-membri tal-familja tiegħek biex jingħaqdu miegħek ukoll. Ikun ta’ ġid għalik personali, għall-familja tiegħek u għall-pajjiż. Nawguralek.

webee_miz

View all posts

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *