Bħal-lum ġimgħa, ġurnalist Ingliż ta’ The Mail on Sunday, Ian Birrell ipprova jirredikola lill-Prim Ministru tagħna, il-poplu Malti, u lil pajjiżna. Iddeskriva lil pajjiżna bħala ħuta żgħira minfuħa li qiegħda żżomm bħala ostaġġ lir-Renju Unit, il-ħuta l-kbira.

Ian Birrell kien qiegħed jikkummenta fuq il-fatt li t-talba uffiċjali tar-Renju Unit biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea twasslet fi żmien meta l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea hija f’idejn Malta. Kiteb li d-destin tar-Renju Unit qiegħed f’idejn il-Prim Ministru Soċjalista Malti. Kiteb li Joseph Muscat huwa wieħed mis-27 mexxej Ewropew li jridu jiffirmaw il-ftehim tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Kiteb li Malta tista’ tul in-negozjati żżomm bħala ostaġġ lill-eks kolonjatur tagħha.

Ian Birrell iddeskriva lill-Prim Ministru Malti bħala wieħed li mhux magħruf fuq il-palk politiku dinji; li qabel daħal fil-politika kien ġurnalist tar-radju u li Malta, pajjiż insinifikanti, qiegħda tiddiskuti taħt liema kundizzjonijiet għandu jkun it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Kiteb li ħut żgħir bħal Joseph Muscat u Malta jistgħu jkunu ta’ theddida għar-Renju Unit. Dan wara li jiddeskrivi lil pajjiżna bħala wieħed b’popolazzjoni daqs kemm għandha l-belt Ingliża ta’ Bristol u b’ekonomija li hija 20 darba iżgħar minn dik ta’ waħda mill-akbar ditti Brittaniċi.
And so what, Mr. Birrell?

Fi ftit kliem, dan il-ġurnalist Ingliż ipprova jiknes l-art bina. Għadu jemmen bl-imperjaliżmu Ingliż li minn fuqu x-xemx ma tinżel qatt. Għadu jara lil kulħadd, għajr lill-Ingliżi, dubbien. It-tajjeb hu li mhux kull ġurnalist Ingliż iħares lejna bl-istess mod ta’ moħħ magħluq mimli opinjonijiet żbilanċjati ta’ Birrell.

Ma jfissirx imma li ma ddispjaċinix meta qrajt dak li kiteb Birrell. Iddispjaċini u ddispjaċini bil-kbir għax jien fil-vini tiegħi demm Malti għandi jiġri u noħroġ id-dwiefer għal min jipprova jżeblah lil pajjizi – hu min hu. Żgħira kemm hi żgħira Malta, dejjem tajna kontribut siewi, u mhux ftit, kemm fuq livell ta’ kontinent Ewropew, kemm fuq livell ta’ Mediterran kif ukoll fuq livell dinji. U meta ngħid dan ngħidu b’konvinzjoni u kburija u mhux b’pompożità barra minn lokha.

Imma nistqarr li ddispjaċini ferm u ferm aktar meta rajt kummenti ta’ Maltin bħali jikkumplimentaw dak li kiteb il-ġurnalist Ingliż. Ngħidha bl-aktar mod responsabbli li jmisshom jistħu minnhom infushom dawk li aġixxew b’dan il-mod. Imisshom jistħu li minħabba l-għamad politiku li għandhom waslu biex jitpaxxew bil-kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ Malta u tal-Prim Ministru tagħha u li jridu u ma jridux hu wkoll il-Prim Minsitru tagħhom.

Jiddispjaċik tara lil min ma jimpurtahx li pajjiżu jiġi mżeblaħ u mgħajjar għax żgħir, għax inzerta qiegħed jokkupa l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE. Jiddispjaċik tara għamad politiku daqstant xieref. Għax għamad politiku xieref irid ikun biex tieħu gost bil-kitba bħal ta’ Birrell sempliċiment għax ma taqbilx mad-direzzjoni politika ta’ Joseph Muscat. U dan mingħajr ma nidħol fil-mertu ta’ kemm irrendiet ġid għal pajjiżna din id-direzzjoni politika, inkluż lil dawk li għoxew u kkumplimentaw lill-ġurnalist Ingliż.

Min – u qed nirreferi għal Maltin bħalna – ħa gost jara lill-Prim Ministru Malti u lil Malta jiġu mżebilħin bil-mod li ttanta jżebliħhom il-ġurnalist Ingliż, apparti li jmissu jistħi, fadallu ħafna x’jitgħallem. Min għamel hekk kien qed jaġixxi bħall-iblaħ tal-proverbju: taqlagħlu għajnejh u jifraħ.

L-impressjoni li tieħu mill-kitba ta’ Ian Birrell hija li kien il-Prim Ministru Malti li ddeċieda li r-Renju Unit ma jibqgħax jifforma parti mill-Unjoni Ewropea. Bħal donnu Joseph Muscat ħolom, tħabat, stinka biex ir-Renju Unit jitkeċċa mill-Unjoni Ewropea! Bħal donnu mhux il-maġġoranza tal-poplu li jagħmel minnu dan Birrell iddeċediet fuq il-Brexit. Qisu l-Brexit tort tal-Prim Ministru Malti u tal-Maltin!

Min-naħa l-oħra ma rridx ma ngħidx li ma kinux ftit dawk il-Maltin li ħarġu bħal iljuni feroċi għall-ġurnalist Ingliż. Ma rridx ma ngħidx kemm ħassejtni kburija bihom li qamu għall-okkażjoni biex ta’ Maltin ta’ vera ddefendew lil pajjiżhom.

Filwaqt li lil dawn tal-aħħar nifirħilhom għad-difiża ta’ pajjiżna, lill-oħrajn, Maltin bħalna, nagħmlilhom mistoqsija sempliċi: META SE TIKBRU FTIT U TIRREALIZAW LI L-EWWEL INTOM MALTIN, MHUX PARTIĠĠJANI?

il-KullĦadd 09-04-17

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *