Ninsabu fl-eqqel ta’ kampanja elettorali. Fit-3 ta’ Ġunju li ġej għandna għażla ċara quddiemna. Irridu niddeċiedu jekk inkomplux bir-ritmu li għaddejjin bil-progress ma’ kullimkien jew jekk nieqfux. Irridu nagħżlu jekk lill-pajjiż nkomplux nafdawh f’idejn Joseph Muscat jew ngħadduh f’idejn Simon Busuttil. Tat-tnejn li huma għandna prova x’isarfu.

Minkejja kull pretenzjoni oħra li jipprova jagħti, Simon Busuttil mhux veru li hu ġdid fix-xena politika Maltija. Simon Busuttil kien l-awtur tal-aħħar żewġ Programmi Elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Kien hu li kiteb il-Programm Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2008 bħalma kien hu li kiteb dak għall-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2013.

Anzi iżjed minn hekk. Għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 Simon Busuttil kien id-delegat speċjali tal-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Eventwalment inħatar Viċi-Kap. Kien il-perm tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista. Kien involut f’kull deċiżjoni li kien qed jieħu l-Gvern Nazzjonalista. Kien il-vuċi ewlenija fl-attivitajiet tal-massa. Kien bis-sejf u t-tarka, jagħti u jiddefendi.

Kampanja Elettorali li fiha Simon Busuttil jibqa’ magħruf għall-mod kif, per eżempju, iddefenda s-sitwazzjoni tal-mistħija maħluqa minn Gvern Nazzjonalista fejn jirrigwarda nuqqas ta’ mediċini li normalment jingħataw mill-istat. Ma kontx tisma’ ħlief il-frażi “mediċini out of stock”, bid-difiża ta’ Simon Busuttil tkun li kien qed isir ħafna agħa għalxejn għax fuq kollox anke jekk tmur għand tal-grocer jaf jgħidlek li m’għandux bottijiet tal-piżelli għax qegħdin out of stock.

Qed ngħid dan kollu biex jekk Simon Busuttil qed jaħseb li jista’ jbellagħha lil xiħadd li hu ġdid fjamant allura jkun jaf li mhux se jirnexxielu jidħak b’nies. Simon Busuttil tal-lum huwa l-istess Simon Busuttil tal-bieraħ. L-istess Simon Busuttil li Gvern Nazzjonalista li minnu kien jifforma parti ħalla aktar minn 8,000 persuna jirreġistraw għax-xogħol. L-istess Simon Busuttil li minħabba fih l-ewwel wieħed ma bqajnix fdati mill-Kummissjoni Ewropea. L-istess Simon Busuttil li kabbar id-deficit finanzjarju tal-pajjiż bl-aktar mod  flaggranti. L-istess Simon Busuttil li ħalla lill-pajjiż jegħreq fid-dejn. L-istess Simon Busuttil li dak li wiegħed ma wettqux.

X’differenza fejn jirrigwarda lil Joseph Muscat!

Joseph Muscat għamel rivoluzzjoni fil-Partit Laburista. Daħħal ideat friski u innovativi. Joseph Muscat beda juri x’isarraf hekk kif beda jibni u jittrasforma lill-Partit Laburista f’Moviment. Fl-ebda stadju Joseph Muscat ma rrenda ruħu negattiv waqt il-proċess tat-trasformar tal-Partit Laburista. Ħadem tarġa wara tarġa. Kollox f’waqtu u f’ħinu.

U meta qorbot l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 inħareġ il-Programm Elettorali tal-Partit Laburista. Programm Elettorali b’impenji u riformi kbar li mill-ewwel deher li kienu se jaqilbu lill-pajjiż ta’ taħt fuq. Tant kienu impenji u riformi kbar illi Simon Busuttil kien irrimarka għal aktar minn darba darbtejn illi kieku kellu jitwettaq dak kollu mwiegħed mill-Partit  Laburista kieku l-pajjiż kien jisfaxxa u jitfarrak.

Simon Busuttil kien jipprova jbeżża’ lill-poplu li bi Programm Elettorali bħal dak tal-Partit Laburista, kieku kellu jitwettq kieku l-pajjiż kien jitniżżel għarkubtejh. Kieku Malta kien ikollha tmur tittallab bail-out. Kieku Malta kienet tispiċċa bħalma spiċċat il-Greċja. Mifnija b’miżuri ta’ awsterità u bi protesti ta’ kuljum fit-toroq. Bil-qgħad jisplodi l-aktar fost iż-żgħażaġħ. Bil-benefiċċji soċjali, fosthom il-pensjonijiet, jitnaqqsu. Kif jitnaqqsu l-pagi.

Il-poplu Malti u Għawdxi għajnejh f’wiċċu u rasu fuq għonqu! Il-poplu ra u qiegħed jesperjenza jekk Joseph Muscat wettaqx dak li wiegħed. Il-poplu jaf, għax qiegħed jesperjenza jekk il-livell ta’ ħajja li qiegħed jgħix hix waħda aħjar minn dak li kienet sa qabel Marzu 2013. Il-poplu jaf li minn ċifra ta’ kważi 8,000 ruħ ifittxu x-xogħol illum għandna inqas minn 3,000.

Il-poplu jaf jekk Joseph Muscat wettaqx dak li wiegħed fejn jidħlu kontijiet tad-dawl u ilma. Il-poplu jaf jekk Joseph Muscat wettaqx il-wegħda li jkollna arja aktar nadifa. Il-poplu jaf jekk Joseph Muscat għalaqx il-power station tal-Marsa darba għal dejjem bħalma jaf jekk warrabx il-heavy fuel oil mill-power station ta’ Dellimara u bena waħda ġdida li taħdem bil-gass.

Il-poplu jaf jekk Joseph Muscat wettaqx il-wegħda taċ-Childcare b’xejn biex aktar nisa jkunu jistgħu jmorru jaħdmu. Il-poplu jaf jekk Joseph Muscat wettaqx il-wegħda li jibda jgħolli l-pensjonijiet. Il-poplu jaf jekk Joseph Muscat wettaqx il-wegħda li jkollna servizz tas-saħħa aħjar. Li ma jibqgħax ikollna pazjenti fil-kuriduri flok fis-swali. Il-poplu jaf jekk Joseph Muscat wettaqx il-wegħda li jnaqqas it-taxxi u jħalli aktar flus fi bwiet in-nies.

Kemm irrid aktar spazju biex inkompli nelenka dwar il-wegħdiet li għamel Joseph Muscat u jekk wettaqhomx jew le. Imma kelli spazju biżżejjed biex nuri bl-aktar mod ċar li d-differenza bejn Joseph Muscat u Simon Busuttil hija waħda netta u li minnha bbenefika u se jkompli jibbenefika l-pajjiż.

 

Issa l-għażla f’idejna. Fit 3 ta’ Ġunju rridu nagħżlu  jekk inkomplux  mexjin ‘il quddiem fit-triq tal-progress, tal-ħolqien tal-ġid, ta’ aktar flus fil-but , jew nagħżlux li nbiddlu il-kaptan fit-tmun  u ma nafux lejn fejn se nsalpaw.

Tinsewx, il-passat hu mera tal-futur! Mela ħarsu sew!

 

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *