X’aktarx li bħal-lum ġimgħa ilu int li qed taqra dan l-artiklu kont qed tiġri mat-toroq ta’ Malta tifraħ bir-rebħa massiċċa elettorali li kellu l-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017. Għaddiet ġimgħa u t-trab tal-kampanja elettorali issa beda joqgħod u kulħadd jinsab lura għar-rutina normali tal-ħajja. Rutina li, trid jew ma tridx, xi ftit jew wisq titħarbat meta tkun għaddejja kampanja elettorali.

Bħalissa, apparti l-partiti politiċi infushom, ikunu għaddejjin diversi analiżi ta’ x’seta’ wassal għar-riżultat finali fil-konfront ta’ kull partit politiku parteċipant. Żgur li joħorġu punti sinifikanti li jkunu ntbagħtu mill-elettorat. Il-punt tat-tluq għal analiżi bħal din ċertament li jkun x’tip ta’ kampanja elettorali kellna.

Żgur li kulħadd jaqbel li kellna kampanja elettorali qasira izda intensa, anke jekk l-ispekulazzjoni dwar elezzjoni bikrija kienet ilha għaddejja. Żgur ukoll li kien hemm baħar jaqsam bejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin fejn jirrigwarda l-kontenut tal-kampanja elettorali.

Il-Partit Laburista bbaża l-kampanja tiegħu fuq x’wettaq tul l-erba’ snin li għaddew minn dak li kien wiegħed f’Marzu 2013 u abbażi ta’ dan, abbażi tal-kredibilità tiegħu, x’qiegħed jipproponi għall-ħames snin li ġejjin. U għamel dan b’mod dettaljat. B’mod studjat anke fejn jirrigwarda x’se jkun ifisser finanzjarjament dak li kien qiegħed iwiegħed.

Il-Partit Nazzjonalista bħal donnu nqabad fuq sieq waħda. Kien evidentissimu li ma kienx preparat għal Elezzjoni Ġenerali. Apparti l-fatt li l-leġiżlatura kollha li għaddiet qattagħha kontinwament fin-negattività, fejn rari sab xiħaġa tajba titwettaq minn Gvern Laburista, ma kellu xejn preparat minkejja ħafna xinxilli. Meta tara x’kien propost u tagħsar dak li dwaru kien qed jingħad, f’idejk ma jkollok xejn għajr arja.

U għax konxju minn dan, il-Kap Nazzjonalista Dr Simon Busuttil qalilna li din ma kinetx elezzjoni dwar il-proposti li għandhom il-partiti politiċi, imma elezzjoni bbażata fuq prinċipji. Bħal donnu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista nesa li l-proposti li jsiru, isiru abbażi ta’ prinċipji. Allaħares naslu f’sitwazzjoni li jsiru proposti mhux ibbażati fuq il-prinċipji li jkun jemmen fihom il-partit politiku li jkun qiegħed jagħmilhom! Iżda din kienet l-iskuża li ta l-Kap tal-PN biex jgħatti l-fatt li ma kinux ippreparati.

Li hu żgur huwa li l-Partit Nazzjonalista imbarka fuq kampanja elettorali li spikkat għall-attakki personali, għal allegazzjonijiet serjissimi, tfigħ ta’ tajn bl-addoċċ bit-tama li xiħaġa teħel. Spikkat ukoll  kampanja negattiva. Jidhirli li skont Simon Busuttil nhar it-Tnejn li għadda kellhom jitilqu minn Malta xi kumpaniji sempliċiment jekk ikun rebaħ il-Partit Laburista. Minflok, nhar it-Tlieta li għadda tħabbar l-interess ta’ żewġ kumpaniji oħra kbar barranin li se jkunu qegħdin jiftħu f’Malta.

Hija ħasra li l-kampanja elettorali li mbarka fuqha l-Partit Nazzjonalista wasslet għal qasma fonda fost il-poplu. Firda fuq il-postijiet tax-xogħol; fil-postijiet tad-divertiment; firda fost saħansitra l-familji; fost il-ġirien. Minn dak li segwejt stajt ninnota li hija firda fil-fond li wasslet biex mhux biss tinżera’ l-mibegħda, imma mibegħda li  nibtet u kibret f’qasir żmien. Din hija ħasra. Dan ma jagħmilx ġieħ lil min irrikorra għal strateġija bħal din.

Aħna pajjiż żgħir. Fejn kulħadd jaf lil kulħadd. Fejn fil-familji tagħna insibu diverġenzi ta’ opinjonijiet. Fejn l-inqas xrara tista’ twassal għal nirien qawwija. Kemm kellha raġun il-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca fl-appell imqanqal u sinċier tagħha malli intemmet il-votazzjoni. Kemm għandu piż x’iġorr fuq spallejh min kebbes u rewwaħ in-nar tal-firda fost il-poplu.

Imma ejjew ma naqtgħux qalbna. Ir-riżultat elettorali huwa dak li hu. Min feraħ u min iddispjaċih. Jibqa’ l-fatt li aħna poplu wieħed li rridu l-ġid lill-familji tagħna, lil uliedna għax wara kollox huma l-familji li jifformaw poplu. Ejjew naħdmu lkoll flimkien għal dan il-għan. Ejjew ninsew id-differenzi politiċi tagħna. Ejjew nirreżistu l-firda. Ejjew nirreżistu l-insulti, il-kliem dispreġġjattiv, il-mibegħda lejn xulxin. Ejjew ma nkunux provokattivi għax finalment lkoll kemm aħna għandna familji u ħbieb li ma rridux narawhom imweġġgħin. Ejjew flimkien nħarsu u naħdmu għal ġejjieni aħjar. Ġejjieni li fortunatament għandna sisien sodi fuqiex nibnuh. Ejjew inħallu wara spallejna l-fervur tal-elezzjoni u nkomplu fuq ir-ritmu normali ta’ ħajjitna.

Irrid nieħu din l-opportunità biex nifraħ lill-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat għall-ispirazzjoni tiegħu li wasslet għal rebħa elettorali daqstant kbira, it-tieni waħda konsekuttiva għalih. Irrid ngħid grazzi lil martu u lill-familtu għas-sagrifiċċji li tfisser il-ħajja fil-politika. Irrid nifraħ lil dawk kollha li ġew eletti, fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra, u nawguralhom biex flimkien jaħdmu b’risq pajjiżna. Nifraħ ukoll lil kull min ma ġiex elett għax hu wkoll ikkontribwixxa f’dan l-eżerċizzju demokratiku fl-għażla ta’ min imexxi pajjiż.

Irrid nieħu din l-opportunità wkoll biex nawgura lill-Partit Nazzjonalista biex ma jdumx ma jerġa’ lura għan-normal wara l-instabilità ovvja li tinħoloq wara r-riżenja tal-Kap tiegħu u r-riżenja kollettiva tal-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Id-demokrazija tinħtieġ Gvern b’saħħtu bbilanċjat b’Oppożizzjoni b’saħħitha. Għalhekk nawgura li l-PN  joffri oppożizzjoni soda  u kostruttiva, fejn jispikka l-interess nazzjonali u mhux dak partiġġjan.

Huwa fl-interess ta’ Malta tagħna lkoll li naħdmu bħala poplu magħqud għax, wara kollox, kif qal tant tajjeb il-Prim Ministru Joseph Muscat wara l-ġurament tal-ħatra, “aħna Malta”. Nieqfu mill-battibekki, insulti u intolleranza. Għandi fiduċja  kbira li din l-għaqda sseħħ, u nitgħallmu niddibattu b’mod ċivili  u mingħajr insulti, inpoġġu fil-ġenb l-opinjonijiet politiċi tagħna u  nitgħallmu nittolleraw.  Bi ftit rieda minn kulħadd mhix xi ħaġa impossibbli!

Għax kif dejjem ngħid, Malta hi pajjiż żgħir, imma nazzjon kbir.

 

(KullĦadd 11-06-17)

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *