L-MPE Marlene Mizzi laqgħet b’sodisfazzjon it-tmiem tat-tariffi tar-roaming fl-Ewropa. “Sa fl-aħħar wasalna! Dan huwa jum storiku għaċ-ċittadini Ewropej li se jwassal biex jintemmu t-tariffi tar-roaming fl-UE għal telefonati bil-vuċi, SMSs u data,” qalet l-MPE Mizzi, membru tat-tim ta’ negozjaturi dwar il-leġiżlazzjoni tar-roaming.
“Mil-lum, it-tariffi tar-roaming se jsiru xiħaġa tal-imgħoddi u fi ftit żmien in-nies lanqas biss jibqgħu jiftakru li kienu jeżistu. L-Ewropej li jivvjaġġaw fil-pajjiżi tal-UE se jkunu qegħdin iħallsu l-prezz domestiku għal roaming fuq telefonati bil-vuċi, SMSs u data, u dan ifisser li mhux se jkun hemm spejjeż żejda għall-użu tal-mobile meta tkun barra,” ikkummentat Marlene Mizzi.

Bħala l-kelliema tal-S&D responsabbli mid-drittijiet tal-konsumatur fit-tim ta’ negozjaturi dwar il-leġiżlazzjoni tar-roaming, Marlene Mizzi wriet is-sodisfazzjon tagħha li kienet parti minn tim ta’ MEPs, li wassal biex dan iseħħ.
“Dan huwa t-tmiem ta’ battalja twila li bdiet kważi għaxar snin ilu b’oppożizzjoni qawwija minn bosta naħat. Minkejja dan, illum l-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming hija realtà għall-Ewropej kollha. Fi żminijiet bħal dawn dak li jkun jirrealizza li aħna bħala MEPs nistgħu nħallu impatt dirett fuq il-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni,” qalet Marlene Mizzi.
Mill-15 ta’ Ġunju, telefonati bil-mobile, SMSs u l-aċċess online permezz tal-mobile minn pajjiż ieħor tal-UE se jkun kopert mill-pakkett nazzjonali. Il-minuti tat-telefonati, SMSs u megabytes ta’ data li persuna tikkonsma meta tkun imsiefra fl-UE se jkunu qed iħallsu l-istess rati li kieku jħallsu f’pajjiżhom. Il-persuni mhux se jibqgħu jinkwetaw mill-kontijiet wara li jqattgħu perjodu barra mill-pajjiż,” qalet Marlene Mizzi.
Madankollu f’ċerti każi eċċezzjonali l-operaturi jkunu japplikaw salvagwardji xierqa biex jillimitaw l-użu ta’data tar-roaming, u b’hekk ikun assigurat li jistgħu joffru roam-like-at-home lill-konsumaturi tagħhom, mingħajr ma jgħollu l-prezzijiet domestiċi f’pajjiżhom.
Marlene Mizzi qalet: “Ir-regoli l-ġodda żgur li se jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Madankollu, hemm ċerti salvagwardji introdotti biex ikun assigurat li t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming ma titfax pressjoni żejda fuq l-operaturi domestiċi żgħar li tista’ twassal għal żieda fil-prezzijiet domestiċi.”
“Illum sa fl-aħħar tajna xi ħaġa tanġibbli u reali liċ-ċittadini Ewropej, iżda din hija biss parti żgħira minn fejn irridu naslu. Din tagħmel parti minn impenn akbar lejn it-titjib tad-drittijiet tal-konsumatur u s-salvagwardja ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Illum qegħdin niċċelebraw il-fatt li t-tariffi tar-roaming saru kapitlu magħluq ieħor mill-istorja tal-evoluzzjoni mgħaġġla tat-teknoloġija, iżda minn għada se naħdmu biex inkomplu ntejbu dan is-settur,” qalet l-MPE Mizzi.

___

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *