L-MPE Marlene Mizzi kienet waħda mill-kelliema ewlenin fis-Single Market Forum 2016/2017 imtella’ f’Malta u organizzat mill-Presidenza maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Kummissjoni Ewropea.

L-għan tal-forum kien li jkun iġġenerat aktar momentum għas-Suq Uniku u biex jitkompla s-suċċess li nkiseb b’għadd ta’ workshops tas-Single Market Forum organizzati matul is-sena. Il-konferenza inkludiet intraprendituri lokali li qasmu l-esperjenzi tagħhom fir-rigward tas-Suq Uniku u ntemmet b’għadd ta’ interventi ta’ livell għoli.

“Minkejja l-kisbiet sinifikanti tas-Suq Uniku, iċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji kemm-il darba kien insodisfatti bih,” qalet Marlene Mizzi. “Ma jeżistux fruntieri fid-dinja diġitali iżda jeżistu f’Suq Uniku fframmentat!”

Marlene Mizzi emfasizzat li suq uniku reali huwa ta’ importanza kbira għall-ekonomija tal-UE peress li joħloq opportunitajiet u ekonomiji ta’ skala ġodda għall-kumpaniji Ewropej, isaħħu l-kompetittività industrijali u jgħin lill-persuni biex jgħixu, jistudjaw u jaħdmu fil-pajjiż tal-għażla tagħhom b’inqas ostakli. “Oppożizzjoni għas-Suq Uniku fl-aħħar mill-aħħar tfisser inqas Ewropa u inqas benefiċċji li toffri l-Ewropa liċ-ċittadini tagħha.”

Bħala membru tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur fil-Parlament Ewropew, l-MPE Marlene Mizzi qiegħda taħdem għal Suq Uniku aktar ġust li huwa appoġġjat politikament, vijabbli ekonomikament u aċċettat soċjalment miċ-ċittadini Ewropej.

Mizzi semmiet għadd ta’ miżuri li jistgħu jiġġeneraw aktar momentum biex jitnieda mill-ġdid Suq li huwa kapaċi jlaħħaq mat-talbiet tal-ekonomija t’għada, b’mod partikolari tal-ekonomija diġitali. Hija qalet li l-UE trid tilqa’ approċċ aktar olistiku biex tkun ifformata u implementata l-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku, u taddotta strateġija orizzontali għall-inizjattivi kollha li jaqgħu taħt l-Istrateġija tas-Suq Diġitali. L-UE għandha bżonn regoli ċari għan-negozji u infurzar xieraq fl-Istati Membri kollha, u trid issaħħaħ l-informazzjoni u l-iffinanzjar għall-SMEs.

Filwaqt li rrikonoxxiet il-progress imwettaq mill-Kummissjoni, l-MPE Mizzi qalet li l-kumplessitajiet tas-Suq Uniku m’għandhom ikunu sottovalutati.

“Is-Suq Uniku huwa influwenzat mit-tensjonijiet u l-isfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali. Qatt ma jista’ jkun perfett jew komplut. Madankollu, għall-inqas irridu nippruvaw nassiguraw li jaħdem sew u b’mod ġust. Għandna dan id-dmir lejn iċ-ċittadini tagħna,” temmet tgħid Marlene Mizzi.

————

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *