Fl-okkażjoni tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Membru tal-Parlament Ewropew, Marlene Mizzi, għażlet li toffri togħma tal-kultura, l-industrija, l-istorja u l-eleganza ta’ pajjiżna. Dan se jsir permezz ta’ preżentazzjoni dwar 100 sena ta’ moda u couture ta’ Malta miġburin f’esebizzjoni, konferenza u sfilata ta’ livell għoli.

Min-nhar it-Tnejn, 26 ta’ Ġunju, 2017, bdiet l-esebizzjoni “The Vocabulary of Maltese Style: An exhibition of the 20th Century fashion in Malta” fil-Kamra tar-Rappreżentanti fil-bini tal-Parlament il-ġdid fil-Belt Valletta, li se tibqa’ għaddejja sal-Erbgħa, 5 ta’ Lulju, mit-8.00 a.m. sal-5.00 p.m. Nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Lulju ttellgħet il-konferenza “(M)Alta Moda” fi Spazju Kreattiv fis-St James Cavalier, filwaqt li nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Ġunju, hemm stennija kbira għall-isfilata ta’ moda “The Vocabulary of Maltese Style”, li se tittella’ ħdejn il-bini tal-Parlament fil-Belt Valletta. fit-8.00 p.m.

L-esebizzjoni tikkonsisti f’kollezzjoni ta’ ħwejjeġ u lbiesi ta’ kwalità li tmur lura mitt sena, mill-1917 sal-lum il-ġurnata. Hija xhieda tal-Malta eleganti u t-talent tad-disinjaturi Maltin. Fl-esebizzjoni jispikka l-livell għoli ta’ materjal għall-wiri u dak li jkun jista’ jammira l-varjetà rikka ta’ stili minn żminijiet differenti u l-iżvilupp tal-moda Maltija.

Il-konferenza mxiet id f’id mat-tema tal-esebizzjoni filwaqt li ffokat ukoll fuq l-ostakli li tiffaċċja l-industrija tal-moda Ewropea mill-perspettiva ta’ disinjaturi żgħar u indipendenti. L-għan ewlieni tal-konferenza kien li tħares lejn soluzzjonijiet u modi differenti kif il-moda u l-industriji tal-kreattività fl-UE jkunu jistgħu javvanzaw u jimxu ‘l quddiem.

Saru diskorsi interessanti mill-fashion designer u kuratur tal-esebizzjoni, Luke Azzopardi; il-kuratur tal-kostumi f’isem Casa Rocca Piccola, Caroline Tonna; Kenneth Cassar u Claire Bonavia minn Heritage Malta; u mid-direttur u disinjatur ta’ Charles & Ron, Ron van Maarschalkerweerd Borg.

L-organizzatur ta’ din l-attività, l-MPE Marlene Mizzi, qalet li “l-wirt kulturali ta’ Malta huwa ta’ livell għoli ħafna iżda sfortunatament mhux dejjem nirrikonoxxuh, napprezzawh u nfaħħruh biżżejjed. Nemmen li għadna m’aħniex informati biżżejjed dwar l-evoluzzjoni tal-moda u l-istili differenti fil-gżejjer Maltin u nittama li dawn l-attivitajiet se jitfgħu aktar dawl fuq dan is-settur.”

Bħala membru sostitut fil-kumitat CULT fil-Parlament Ewropew, Marlene Mizzi tixtieq turi aspett differenti tal-wirt kulturali Malti permezz ta’ informazzjoni interessanti u ta’ valur dwar il-moda matul iż-żminijiet.

Nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Ġunju, se tittella’ sfilata tal-ogħla livell li fiha tispikka l-kreattività tal-moda Maltija. Din l-isfilata għandha turi l-kwalità tal-prodott Malti anke fil-qasam tal-moda u kif pajjiżna jista’ jħabbatha mal-aqwa industriji ta’ kreattività madwar l-Ewropa u anke fid-dinja.

Il-postijiet huma limitati u għalhekk, min jixtieq jattendi għall-isfilata huwa mistieden jibgħat email fuq [email protected] biex jirċievi invit għall-attività.

Dan il-proġett ma kienx ikun possibbli mingħajr l-appoġġ ta’ Albert Marshall, Chairman tal-Arts Council Malta, il-grupp tal-S&D tal-Parlament Ewropew, il-kuratur u disinjatur Luke Azzopardi, id-disinjatur Andrew Borg Wirth, Marquis de Piro li silef ilbies storiku għal din l-okkażjoni, Kenneth Gambin minn Heritage Malta, il-konsulenta għall-isfilata Carina Camilleri, bosta kittieba, disinjaturi u kontributuri oħra.

___________________________

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *