Forsi ftit huma dawk li kull meta jisimgħu t-terminu “kultura Maltija” jgħaddilhom minn moħħhom li l-kultura tagħna tinkludi wkoll il-moda. Nistqarr mill-ewwel li anke f’dan il-qasam pajjiżna għandu ħafna x’joffri. U ta’ valur sorprendenti. Esebizzjoni li ħadt ħsieb li tittella’ fil-bini tal-Parlament fil-jiem li għaddew kienet prova mill-aktar ċara ta’ dan.

Kif jaf kulħadd saru diversi attivitajiet biex jimmarkaw il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għas-sitt xhur li għaddew. Bħala Membri tal-Parlament Ewropew Maltin intlabna norganizzaw avveniment kulturali. Għażilt tema li hija ferm għal qalbi, il-moda. Rajt f’dan l-avveniment okkażjoni li permezz tagħha stajt noffri togħma tal-kultura, l-industrija, l-istorja u l-eleganza ta’ pajjiżna.

Għamilt din l-għażla fl-isfond tal-fatt li jiena nifforma parti mill-kumitat CULT, il-Kumitat għall-Kultura, Edukazzjoni u Sport tal-Parlament Ewropew.

L-esebizzjoni li tellajna – The Vocabulary of Maltese Style: An exhibition of the 20th Century fashion in Malta –  kienet tirrifletti kollezzjoni ta’ ħwejjeġ u lbiesi eleganti li tmur lura mitt sena, mis-sena 1917 sal-lum. Xhieda mill-aqwa tal-eleganza Maltija u tat-talent tad-disinjaturi Maltin. Kull min kellu x-xorti jżur din l-esebizzjoni seta’ jammira l-livell għoli ta’ materjal li kien hemm għall-wiri. Seta’ jammira wkoll il-varjetà rikka ta’ stili minn żminijiet differenti u l-iżvilupp tal-moda Maltija.

Il-materjal li kien hemm għall-wiri, anke jekk fuq skala żgħira, jitfa’ dawl fuq id-dinja tal-couture mill-imgħoddi sal-lum.

Sadattant nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Ġunju, f’St James Cavalier ittellgħet il-konferenza bit-tema “(M)Alta Moda”. Konferenza li ffokat ukoll fuq l-ostakli li tiffaċċja l-industrija tal-moda Ewropea mill-perspettiva ta’ disinjaturi żgħar u indipendenti. L-għan ewlieni tal-konferenza kien li tħares lejn soluzzjonijiet differenti kif il-moda u l-industriji tal-kreattività fl-Unjoni Ewropea jistgħu jimxu ‘l quddiem.

Se nagħmel dak kollu possibbli biex nara li l-Unjoni Ewropea toffri l-għajnuna kollha possibbli lid-disinjaturi żgħar u ġodda, fosthom Maltin u Għawdxin, permezz ta’ miżuri innovattivi. Dan it-talent għandu jkollu l-ispazju, l-opportunitajiet li jgħinuh jiżviluppa u jkun suċċess. X’aktarx li ma nafux, jew ma nistgħux inkunu nafu b’mod xieraq kemm jista’ hawn fostna talent moħbi. Talent li m’għandux l-opportunità li jkun espress. Jew almenu m’għandux spazju biżżejjed.

Nemmen bis-sħiħ li għadna m’aħniex informati biżżejjed dwar l-evoluzzjoni tal-moda u l-istili differenti fil-gżejjer Maltin. Nittama li l-attivitajiet li tellajna fil-jiem li għaddew fuq din il-linja jistgħu jservu biex jintefa’ aktar dawl fuq dan il-qasam, fuq din il-faxxa kulturali. Inwiegħed l-għajnuna tiegħi kollha possibbli lil min ikun lest jinteressa ruħu f’riċerki għal dan il-għan.


Wisq nibża’ li jista’ jkun li dan it-talent ma nagħtuhx l-importanza li tixraqlu. Għalkemm ċertament li mhux intenzjonalment. Il-wirt kulturali ta’ pajjiżna huwa wieħed ta’ livell għoli ħafna u dan bir-raġun. Meta tqis  it-taħlita li minnha huwa ffurmat ġensna, il-kulturi differenti li ġabu magħhom u anke, b’xi mod, imponew fuqna l-ħakkiema tul meded twal ta’ snin, allura huwa bilfors li jkollna wirt kulturali għoli. U aktar ma huwa hekk akbar hija l-ħasra li ma nagħtuhx l-importanza li tixraqlu.

Għax ma jistax ikun li jkollok taħlita kulturali daqstant vasta f’qasam, bħal ngħidu aħna l-arkitettura, u mhux f’qasam ieħor. Inkluż il-ħwejjeġ li kienu jilbsu. Saħħaħt dan l-argument meta xtart sewwa d-diskorsi interessanti li saru fil-konferenza minn Luke Azzopardi, disinjatur tal-moda u kuratur tal-esibizzjoni; Caroline Tonna, kuratur tal-kostumi f’isem Casa Rocca Piccola; Kenneth Cassar u Claire Bonavia minn Heritage Malta; u mid-direttur u disinjatur ta’ Charles & Ron, Ron van Maarschalkerweerd Borg.

Inkun qed nonqos jekk ma ngħidx li dan il-proġett ma kienx ikun possibbli li jsir kieku ma kienx hemm l-appoġġ ta’ Albert Marshall, Chairman tal-Kunsill Malti tal-Arti; il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi tal-Parlament Ewropew; id-disinjatur Andrew Borg Wirth; Marquis de Piro, li silef ilbies storiku għal din l-okkażjoni; Kenneth Gambin minn Heritage Malta; Carina Camilleri, il-konsulenta għall-isfilata flimkien ma’ bosta kittieba, disinjaturi u kontributuri oħrajn.

Ikun ta’ sodisfazzjon kbir għalija jekk dak kollu li organizzajna flimkien ftit tal-jiem ilu jservi ta’ xprun għal aktar studji u riċerki f’dan il-qasam storiku u kulturali tagħna.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *