Il-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza kbira ta’ 629 għal 34, u 30 astensjoni, ir-Rapport tal-MPE Marlene Mizzi dwar l-Istandards għas-Seklu 21.

Il-Kummissarju Bieńkowska faħħret ir-Rapport “eċċellenti” u r-rakkomandazzjonijiet li fih waqt dibattitu estensiv li sar il-jum ta’ qabel il-vot. “Dan huwa dokument importanti, importanti għalina, importanti għall-komunità tal-istandardizzazzjoni Ewropea,” qalet il-Kummissarju tal-UE.

Membri tal-Parlament Ewropew minn spettru politiku wiesa’ qablu li dan ir-Rapport huwa ta’ valur aġġunt u huwa ta’ importanza strateġika għas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea, li jirrifletti l-pożizzjoni tal-Parlament dwar kif għandhom jevolvu l-istandards fil-ġejjieni.

Ir-Rapport jitlob għal “strateġija aktar miftuħa, inklussiva u trasparenti” fis-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea. Din trid taħdem fuq it-tħassib taċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-SEMs permezz sħubija mill-qrib, koperazzjoni u appoġġ miftuħ tal-istakeholders kollha involuti fil-proċess.

L-MPE Marlene Mizzi: “Dan huwa rapport tekniku imma importanti ħafna għaċ-ċittadini u l-kumpaniji. Mingħajr standards komuni, il-kumpaniji ma jkunux jistgħux joperaw fis-suq uniku u n-nies ma jkunux jistgħu jużaw prodotti siguri min-naħa għall-oħra tal-fruntieri. Immaġinaw ikollok USB li ma jistax jaqbad mal-kompjuter tiegħek jew il-mobile tiegħek m’għandux WIFI u ma jistax jaqbad mal-internet. Dawn huma kollha riżultat tal-istandards.

“L-istandards qegħdin hemm biex jiggarantixxu li l-prodotti huma adatti għall-iskop tagħhom, jaħdmu tajjeb u b’mod affidabbli biex jipprovdu kwalità għolja u protezzjoni liċ-ċittadini! Madankollu, l-ambjent tal-istandardizzazzjoni qed jinbidel malajr u aħna rridu nirreaġixxu għal dawn l-isfidi. Għaldaqstant, fir-Rapport tiegħi ressaqt għadd ta’ rakkomandazzjonijiet strateġiċi, li huma essenzjali għall-futur tas-sistema Ewropea.”

Ir-Rapport Mizzi jikkonsidra li t-tisħiħ tas-sinerġiji u l-kordinazzjoni bejn l-istakeholders kollha, it-titjib tal-aċċessibilità u t-trasparenza tal-proċess tal-istandardizzazzjoni, u t-tneħħija de facto tal-ostakli biex l-SMEs, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet ambjentali jkunu involuti b’mod effettiv, huma kruċjali għat-titjib tas-sistema.

Aktar minn hekk, ir-Rapport jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ punti uniċi ta’ aċċess għall-istandards, reġistru Ewropew għall-istandards u Annual Standardisation Forum, fejn jistgħu jiltaqgħu l-istakeholders darba fis-sena u jiddiskutu l-isfidi l-ġodda f’dan il-qasam.

Ir-Rapport huwa intiż bħala kontribut mill-Parlament lill-ewwel Inter-institutional Dialogue u lill-Annual Work Programme on Standards 2018 tal-Kummissjoni, li se jiġi adottat f’Lulju.

 __

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *