Kemm ili fil-ħajja pubblika u aktar u aktar kemm ili Membru Parlamentari Ewropew qatt ma ħassejtni inferjuri għax ġejja minn pajjiż żgħir bħal Malta. Anzi. Dejjem ħassejtni daqs kull Membru Parlamentari Ewropew ieħor ġej minn liema pajjiż ġej. Dejjem ħassejtni kburija b’pajjiżi. Imma nistqarr li komplejt saħħaħt din il-kburija wara li fil-jiem li għaddew il-Parlament Malti approva b’vot wieħed biss kontra l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ li bih koppji tal-istess stess ingħataw id-dritt li jingħaqdu fi żwieġ ċivili.

Dan sar b’konformità ma’ dak li kien dikjarat fil-Manifest Elettorali tal-Partit laburista għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju li għadda. Fil-Manifest Elettorali hemm dikjarat hekk: Gvern ġdid immexxi minn Joseph Muscat jagħti d-dritt taż-żwieġ lil koppji tal-istess sess. Iż-żwieġ ma jkunx bl-ebda mod inferjuri għal dak bejn koppji oħrajn. Dan huwa pass naturali fil-mixja tagħna biex nagħtu aktar drittijiet ċivili lil kulħadd.

U kif wiegħed tul il-kampanja elettorali, il-Prim Ministru Joseph Muscat żamm kelmtu li din kellha tkun l-ewwel liġi li tgħaddi f’din il-leġiżlatura. L-iżvilupp li seħħ f’pajjiżna tul dawn l-aħħar erba’ snin fejn jirrigwarda drittijiet ċivili huwa wieħed fenomenali. Persuni LGBTIQ f’Malta llum għandhom l-aqwa drittijiet fl-Ewropa. Illum għandna soċjetà miftuħa li ma tagħmilx distinzjoni bejn il-persuni.

Inħossni aktar kburija li jien Maltija għax jien nifforma parti mill-intergroup LGBTIQ+ fil-Parlament Ewropew. Inħossni aktar kburija għax naf li hemm pajjiżi ferm akbar minna fid-daqs li għandhom ċittadini li ma jgawdux id-drittijiet li tajna aħna liċ-ċittadini tagħna. Inhossni kburija għax iċ-ċittadini Maltin kollha qegħdin jiġu rispettati.

Mhux se nidħol fil-mertu dwar x’wassal biex fil-Parlament Malti kien hemm vot unanimu favur din il-liġi, għajr għal Deputat Parlamentari wieħed tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Mhux se nidħol f’dan il-mertu għas-sempliċi raġuni li kien hemm min fl-Oppożizzjoni li vvota favur il-liġi b’konvenjenza u mhux b’konvinzjoni. Daqstant ieħor inħoss li għandi nirrimarka li mill-istess Oppożizzjoni kien hemm ukoll Deputati li vvutaw b’konvinzjoni favur il-liġi. Il-ħasra hi li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma riedx li jkun hemm vot liberu fost id-Deputati. Kieku aċċetta dak propost mill-Prim Ministru kieku konna nkunu f’pożizzjoni aħjar biex naraw l-attwalità x’kienet tkun. Aktar u aktar meta fil-Parlament Malti smajna Deputati mill-Oppożizzjoni jitkellmu kontra l-liġi imma finalment ivvutaw favur tagħha. Xi prinċipji prinċipji!

Il-Partit Laburista, aktar u aktar meta kien u meta qiegħed fil-poter, għandu biex ikun kburi li kien hu l-protagonista fil-mixja lejn din l-ugwaljanza. Ma rridux ninsew li sas-Snin Sebgħin relazzjoni omosesswali setgħet twassal lil min jinstab ħati tagħha għal piena karċerarja. Ma ninsewx li sas-sena 1975 f’pajjiżna l-uniku żwieġ li kien rikonoxxut mil-liġi kien iż-żwieġ bir-rit Kattoliku. Kien Gvern Laburista li daħħal iż-żwieġ ċivili. Mhux se noqgħod nidħol fit-twerwir li kien hawn min ipprova jwerwer bih lill-poplu dwar dan.

Kien għad fadal xi jsir b’risq l-ugwaljanza. Kien biss fil-leġiżlatura li għaddiet li ddaħħlet il-liġi li tirrikonoxxi l-unjoni ċivili għal koppji tal-istess sess. Anke hawn rajna l-ipokrezija, rajna d-dgħufija ta’ min fil-Parlament Malti ma riedx jerfa’ responsabbiltà, ma riedx jagħti dan id-dritt lil persuni omosesswali. Imma dik xiħaġa oħra, li finalment waslu biex jammettu li kienu żbaljaw fiha.

Minkejja dan l-iżvilupp, dan il-pass ta’ ġgant fejn jirrigwarda ugwaljanza bejn kulħadd, xorta waħda dawk li jirrikorru għal unjoni ċivili ma setgħux jiżżewġu. Xorta waħda ma kinux ugwali għal ħaddieħor. Barriera li twaqqgħet fil-jiem li għaddew biex komplejna bil-passi ta’ ġgant lejn id-dritt tal-ugwaljanza. Biex anke dawk f’minoranza ma jibqgħux iħossuhom inferjuri għal ħaddieħor.

Interessanti l-iżvilupp li seħħ fi ħdan il-Partit Laburista fejn jirrigwarda l-LGBTI. Kien pass mill-aktar progressiv meta ftit tas-snin ilu l-Partit Laburista waqqaf l-organizzazzjoni LGBTI Labour. Deċiżjoni li wriet bl-aktar mod ċar kemm il-Partit Laburista huwa wieħed inklussiv. Il-Partit Laburista wera kemm għandu għal qalbu lill-gruppi ta’ minoranzi li fuq kollox huma ċittadini daqs kull wieħed u waħda minna. Il-Partit Laburista wera li kontra kull kurrent li kien hawn, u għad hawn f’pajjiżna fejn jirrigwarda persuni LGBTI huwa lest jagħtihom leħen. Lest iħares lejhom b’mod ugwali kif wara kollox jixirqilhom.

Għalhekk tagħmel ħafna sens d-deċiżjoni li din l-organizzazzjoni tibdel isimha għal Equality Labour bil-mira tagħha tkompli tkun dik li taħdem sabiex ikollna soċjetà aktar ugwali fejn kull persuna tkun tista’ tilħaq il-milja tal-miri tagħha fil-ħajja u tkun trattata indaqs f’għajnejn il-liġi u f’għajnejn is-soċjetà.

B’sodisfazzjon u b’determinazzjoni nwiegħed li se nkompli nkun ta’ appoġġ lejn dawn il-miri kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell ta’ Parlament Ewropew. Dejjem kont kburija li jien Maltija. Imma kburija aktar meta nara lil pajjizi jirrispetta id-drittijiet ċivili ta’ kulhadd; meta pajjiżi qed jgħaddi liġijiet li qegħdin ikissru l-ħitan tad-diskirminazzjoni u intolleranza u jiżgura li ħadd ma jiġi trattat ta’ ċittadin tat-tieni jew tat-tielet klassi; meta pajjiż żgħir bħal Malta qed ikun xempju ta’ progress, demokrazija, u ugwaljanza għad-dinja kollha. U żgur li kburija!

Il-KullĦadd 13.07.17

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *