Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew (IMCO) nhar it-Tnejn, 4 ta’ Settembru, ivvota biex jitnaqqsu t-tariffi fuq telefonati u SMSs internazzjonali bħala parti minn abbozz dwar it-telekomunikazzjoni.
Ix-shadow rapporteur tal-S&D fuq it-telekomunikazzjoni li tirrappreżenta l-konsumaturi u s-suq intern, Marlene Mizzi, tat il-kummenti tagħha wara l-vot: “Sodisfatta bir-riżultat tal-lum fuq l-abbozz dwar it-telekomunikazzjoni. Wara xhur ta’ negozjati ebsin, sa fl-aħħar qbilna li t-tariffi ta’ telefonati u SMSs minn pajjiż tal-UE għal ieħor għandhom jitnaqqsu b’mod sinifikanti u jiġu daqs dawk għal telefonati nazzjonali.”

“Ir-rati għal telefonati internazzjonali għadhom għoljin ħafna għal bosta konsumaturi. In-nies m’għandhomx iħallsu prezzijiet eċċessivi meta jċemplu jew jibagħtu messaġġi fuq numri barranin. Ir-roaming kien rebħa politika kbira, iżda issa wasal iż-żmien għall-pass li jmiss biex noħolqu suq waħdieni tat-telekomunikazzjoni għall-konsumaturi Ewropej. Issa huwa l-waqt li nnaqqsu t-tariffi fuq telefonati internazzjonali,” qalet Marlene Mizzi.

“Il-vot fl-IMCO fuq l-abbozz dwar it-telekomunikazzjoni Ewropea huwa l-ewwel pass politiku biex jitnaqqas id-distakk bejn telefonati nazzjonali u internazzjonali. Il-Parlament Ewropew irid jibda negozjati mal-Istati Membri u nittama li wara l-istorja ta’ suċċess tal-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming, jagħrfu l-benefiċċji ta’ din il-proposta għaċ-ċittadini Ewropej u jappoġġjaw il-pożizzjoni tagħna,” qalet l-MPE Mizzi.

L-abbozz tat-telekomunikazzjoni li sar il-vot fuqu nhar it-Tnejn jinkludi dispożizzjonijiet importanti biex jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, jittejbu l-kundizzjonijiet għal persuni b’diżabbiltà, ikun ipprovdut internet bażiku u affordabbli bħala dritt universali għal kulħadd u, l-aħħar iżda mhux l-inqas, ikunu rrafinati n-numri ta’ emerġenza 112 u 116 fuq każi ta’ tfal nieqsa, li diġà jeżistu.

“Bħala parti mil-leġiżlazzjoni tat-telekomunikazzjoni, għall-ewwel darba, ivvotajna u qbilna li għandha tinħoloq sistema pubblika ta’ twissija obbligatorja f’kull pajjiż tal-UE. Tali sistema tippermetti lill-Istati Membri jgħaddu informazzjoni diretta lil għadd ta’ persuni li jkunu f’żona ta’ periklu (attakk terroristiku, katastrofi naturali) permezz tan-numru 112 għas-servizzi ta’ emerġenza. L-Istati Membri jkunu jistgħu jinformaw liċ-ċittadini fuq il-mobiles tagħhom b’dak kollu li jkun qed jiġri u xi jkun hemm bżonn isir biex tkun imħarsa s-sigurtà tal-persuni,” qalet Marlene Mizzi.
_______

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *