Meta kienet qiegħda titkellem fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Marlene Mizzi qalet li l-adozzjoni ta’ Att Ewropew Dwar l-Aċċessibilità ġġib magħha bidla reali fil-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni u b’mod partikolari tal-anzjani, nisa tqal u persuni b’diżabilità fl-Ewropa.

“Din hija rebħa għall-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew. Irnexxielna nressqu ‘l quddiem il-prijoritajiet tagħna u nassiguraw li l-Parlament Ewropew jieħu pożizzjoni b’saħħitha u ambizzjuża.”
Ilbieraħ, il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvotaw fi Strasburgu favur direttiva ġdida dwar rekwiżiti għall-aċċessibilità għal prodotti u servizzi. “Din hija l-ewwel leġiżlazzjoni orizzontali Ewropea dwar l-aċċessibilità li se twassal għall-aċċess aktar sempliċi għal prodotti u servizzi ewlenin bħal telefons, ATMs u magni tal-biljetti u għaċ-check-ins għal persuni b’diżabilità u anzjani,” ikkummentat Marlene Mizzi.
“Bħalissa fl-Unjoni Ewropea hawn 80 miljun persuna b’diżabilità  u dan in-numru  mistenni  jilħaq 120 miljun sal-2020. Mhuwiex aċċettabbli li fid-dinja tal-lum, xi prodotti u servizzi għadhom mhumiex aċċessibbli għall-konsumaturi ta’ kull età u abilità. Persuni b’diżabilità u anzjani jsibuha diffiċli u kultant impossibbli biex jużaw prodotti u servizzi diġitali bħal kompjuters, servizzi tat-telefonija u self-service terminals,” qalet l-MPE Mizzi.
“Għandna opportunità kbira biex intejbu l-benesseri ta’ miljuni ta’ ċittadini biex persuni b’diżabilità jew b’limitazzjonijiet funzjonali jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti u jkunu inklużi fis-soċjetà. Huwa għalhekk li għandna bżonn leġiżlazzjoni orizzontali Ewropea dwar l-aċċessibilità li tipprovdi opportunitajiet indaqs u aċċess għal prodotti u servizzi għal kulħadd,” qalet Marlene Mizzi qabel il-vot.
Filwaqt li ħeġġet lill-MEPs biex jappoġġjaw l-emendi mressqin mill-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament, Marlene Mizzi qalet: “L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità għandu jservi ta’ benefiċċju għall-persuni ta’ kull età u b’kull forma ta’ diżabilità. Għandna bżonn ta’ leġiżlazzjoni li tagħmel differenza fil-pożittiv mhux biss lill-persuni b’diżabilità, iżda wkoll lil dawk b’limitazzjonijiet funzjonali, inklużi l-anzjani.”
“Sodisfatta li rnexxielna nsibu biżżejjed appoġġ biex nassiguraw maġġoranza fil-Parlament Ewropew biex naddottaw proposta ambizzjuża li tista’ ttejjeb l-aċċess għal varjetà wiesgħa ta’ prodotti u servizzi, u tipprovdi opportunitajiet indaqs għal miljuni ta’ persuni fl-Ewropa. Aħna lkoll indaqs u ħaqqna opportunitajiet indaqs. Nittama li l-Istati Membri jsegwu d-direzzjoni li badna,” ikkummentat l-MPE Mizzi.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *