Il-Programm Elettorali tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju li għadda u allura b’mod awtomatiku parti sostanzjali mill-impenn tal-Gvern Laburista għal din il-Leġiżlatura li għadha kemm bdiet, jiddedika kapitlu sħiħ (Kapitlu 11) għall-ħarsien tal-ambjent.

Parti minn dan il-kapitlu tgħid li “Insaħħu l-protezzjoni ta’ skemi barra miż-żoni tal-iżvilupp. Gvern ġdid immexxi minn Joseph Muscat ikun kommess li ma jsir ebda proġett pubbliku maġġuri barra ż-żoni tal-iżvilupp”. Il-kapitlu jgħid ferm u ferm aktar minn hekk dwar kif se jkun protett aktar l-ambjent.

Ikkwotajt din il-parti partikolari għax wisq nibża’ li meta nitkellmu dwar ambjent l-enfasi ewlenija u prinċipali tkun fuq il-kampanja u art barra miż-żoni ta’ żvilupp. Għax bħal donnu l-unika theddida għall-ambjent ġejja minn bini ta’ blokok ta’ appartamenti, torrijiet, toroq u x’naf jien. Li mhux il-każ.

Dejjem emmint li kull estrem huwa żbaljat. Ma tistax twaqqaf xiħaġa kompletament bħalma ma tistax tipproteġi kull ħaġa għax dik kienet ilha hemm is-snin. Nagħti eżempju żgħir: tista’ twaqqaf l-importazzjoni tal-karozzi? Le, ma tistax, lanqas biss toħlomha. U la darba huwa hekk, tista’ allura xi darba mqar toħlom li ma twessax it-toroq u li ma tagħmilx aktar proġetti bħal dak tal-Kappara? U la darba din hija sitwazzjoni li ma tistax taħrabha l-unika soluzzjoni mhux li tipprova toħloq bilanċ bejn it-tnejn?

U dan huwa l-akbar impenn li jrid jidħol, u nemmen li se jidħol għalih, il-Gvern Laburista. L-impenn li jkun hemm bilanċ bejn l-iżvilupp u l-protezzjoni tal-ambjent. Huwa stat ta’ fatt li llum sar bħal donnu tassattiv li malli persuna tagħlaq 18-il sena, u allura tkun laħqet l-età li jkollha liċenzja tas-sewqan, trid li jkollha l-karozza tagħha. Immaterjalment jekk il-familja tagħha tistax tixtrilha karozza jew li fil-familja diġà hemm tnejn jew tliet karozzi oħra u allura l-bżonn ta’ karozza oħra għand dik il-familja ma jistax titqies bħala daqstant bżonn.

Wieħed irid, u għandu jistqarr, li dan huwa dovut għall-fatt li llum hawn il-flus fl-idejn u riżultat ta’ progress ekonomiku.

Illum ħafna mill-koppji jaħdmu t-tnejn u kull parti minnha trid karozza biex tmur għax-xogħol. Imma fil-verità huwa daqshekk kruċjali li biex koppja u wild tagħhom joħorġu jaħdmu jrid ikollhom tliet karozzi biex imorru għax-xogħol bihom? Huwa każ ta’ ‘lussu’ li tmur għax-xogħol bil-karozza privata tiegħek? Huwa meħtieġ dan it-tip ta’ ‘lussu’ għax it-trasport pubbliku mhux daqstant effiċjenti? Jew hija perċezzjoni li ma kien hemm ebda progress fejn jirrigwarda trasport pubbliku?

Nagħti eżempju żgħir li fl-opinjoni tiegħi juri illi la darba l-pubbliku jesperjenza servizz effiċjenti jibqa’ jużah. L-esperjenza tal-Park & Ride fil-Blata-l-Bajda. Tasal bil-karozza tiegħek hemmhekk, tipparkja, ġeneralment issib minibus tistenniek, tħallas 40 ċenteżmu u fi ftit minuti tkun Bieb il-Belt, eżattament fejn twasslek il-karozza tal-linja. Allura nistaqsi jien, għaliex il-pubbliku kuntent u sodisfatt juża trasport pubbliku mill-Blata-l-Bajda sa Bieb il-Belt imma mhux mir-raħal tiegħu sa Bieb il-Belt ukoll? Għaliex sal-Blata-l-Bajda jrid jasal bil-karozza tiegħu? Min jaf kieku jkollna ferm aktar Park & Rides bħal tal-Blata-l-Bajda imxerrdin mal-pajjiż kollu u minnhom ikun hemm servizz dirett ta’ trasport pubbliku lejn il-Belt? Ma taħsbux li b’hekk inkunu qegħdin innaqqsu bil-kbir il-konġestjonijiet ta’ traffiku f’arterji ewlenin? Ma nkunux qegħdin innaqqsu ħafna mit-tniġġis tal-arja?

L-istess fejn jidħol il-bini. Kważi hija mistoqsija li toħroġ minn fomm kulħadd: mela kemm hija kbira d-domanda għall-appartamenti la darba kull fejn tara blokok telgħin? Sirna qisna wiċċ il-qamar, ħlief ġebel u konkos ma tarax! Min-naħa l-oħra, la darba hawn daqstant għatx għal residenzi, kif tispjega l-fatt li f’ħafna mill-ibliet u rħula tagħna tara ħafna bini dilapidat, mitluq għal kollox?

Id-daqs ta’ pajjiżna huwa dak li hu. Aktar art verġni fadlilna ftit li xejn. Għandna nagħmlu minn kollox biex nissalvagwardaw dak li fadal. Imma huwa possibbli li tagħmel hekk? In-nuqqas ta’ provvista u fl-istess ħin it-tkabbir tad-domanda ma jwasslux imbagħad għal splużjoni fil-prezzijiet?

Naħseb li f’dawn iċ-ċirkostanzi l-ideali huwa li din is-sitwazzjoni titlob għal sforz kollettiv, sforz nazzjonali bil-għan li jkun hemm il-kontribut ta’ kulħadd f’direzzjoni waħda: il-bżonn ta’ bilanċ bejn l-iżvilupp u l-ħarsien tal-ambjent. Dan fl-interess tagħna, fl-interess ta’ wliedna u fl-interess ta’ wlied uliedna.

KullĦadd 17.09.17

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *