Fis-27 ta’ Settembru l-MPE Laburista Marlene Mizzi se ttella’ konferenza fil-Parlament Ewropew fi Brussell bit-tema “Il-ħiliet intraprenditorjali huma ċ-ċavetta għas-sopravivenza tad-diġitalizzazzjoni?”. L-għan ta’ dan l-avveniment huwa li nippromwovu l-importanza tal-ħiliet intraprenditorjali diġitali fl-Ewropa.

“In-nuqqas ta’ ħiliet u d-distakk fl-Ewropa qegħdin jikbru malajr. Id-diskrepanza fil-ħiliet li teżisti llum il-ġurnata, speċjalment fil-qasam tal-intraprenditorja diġitali, huwa fenomenu li dejjem qed jikber aktar. Dan l-iżbilanċ – partikolarment li għandu x’jaqsam mal-ħiliet intraprenditorjali li huma tant importanti biex jgħinu lis-swieq tax-xogħol futuri jirnexxu f’din l-ordni tax-xogħol ġdida – irid jiġi indirizzat b’urġenza,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.

“Li nassiguraw ħiliet bażiċi diġitali fis-soċjetà tal-lum huwa importanti, iżda għat-twettiq personali u professjonali huwa vitali li ngħammru lill-persuni b’kompetenzi aktar speċifiċi u nipprovdulhom għadd ta’ ħiliet intraprenditorjali. Huwa proprju għalhekk li ddeċidejt li ntella’ din id-diskussjoni wiesgħa fil-Parlament Ewropew,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.

Il-parteċipanti jinkludu xjentisti, stakeholders, MEPs u l-Kummissjoni Ewropea. Huma se jiddiskutu l-ħiliet intraprenditorjali ġodda li huma bżonjużi biex nassiguraw li n-nies ikunu jistgħu jirnexxu fin-negozji tal-futur immexxijin mill-innovazzjoni teknoloġika, id-demografija, iċ-ċaqliq tal-mudelli ta’ negozju u n-natura tax-xogħol, minn perspettivi differenti.

Marlene Mizzi: “Id-dinja diġitali qiegħda ssir dejjem aktar esiġenti. Għandna bżonn insiru aktar profiċjenti fl-iżvilupp u t-tħaddim ta’ ħiliet ta’ sopravivenza għas-seklu 21. Biex nagħmlu dan, l-ewwel irridu nidentifikaw il-ħiliet intraprenditorjali li jeħtieġu t-teknoloġija l-ġdida. Imbagħad irridu nikkollaboraw ma’ universitajiet, skejjel u l-awtoritajiet tal-edukazzjoni nazzjonali biex jinkludu suġġetti ta’ tagħlim intraprenditorjali fuq il-livelli kollha ta’ edukazzjoni u fuq diversi temi.”

“Il-ħiliet intraprenditorjali rridu nħarsu lejhom f’kuntest aktar wiesa’, bħall-pussess ta’ sens ta’ inizjattiva u ambizzjoni. Il-ħiliet intraprenditorjali jistgħu jgħinu biex iżidu l-impjegabilità, jappoġġjaw il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, kif ukoll jinkoraġġixxu l-kreattività, il-ħsieb kritiku, it-tmexxija, u l-ħiliet trasferibbli, bħas-soluzzjoni għall-problemi, ix-xogħol f’tim u l-abilità.”

“Bħala soċjetà rridu ngħallmu lin-nies il-ħiliet li għandhom bżonn biex jirnexxew. Ħiliet li jgħinuhom jitgħallmu jibdew għal rashom, u jkunu intraprenditorjali u litterati fit-teknoloġija diġitali. Ħiliet li jikkontribwixxu fl-iżvilupp personali u professjonali tagħhom, u jgħinuhom jidħlu aħjar fis-suq tax-xogħol. Dan ikun pass importantti fil-ġlieda tagħna kontra l-qgħad,” ikkkummentat l-MPE Mizzi.

_______________________

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *