L-MPE Marlene Mizzi ħadet pożizzjoni soda dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fin-negozjati tal-Brexit mar-Renju Unit.
“Hemm aktar minn tliet miljun ċittadin tal-UE residenti fir-Renju Unit, inklużi ħafna Maltin, u aktar minn miljun ċittadin tal-UE tar-Renju Unit residenti fl-UE. Huma qegħdin jistaqsu l-istess mistoqsija: X’se jsir minni, mill-familja, l-impjieg, in-negozju, l-istudji tiegħi wara li jiġi ffinalizzat il-Brexit?” qalet l-MPE Mizzi fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
Din il-ġimgħa l-MEPs iddiskutew il-progress fit-taħditiet tal-Brexit mal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker u l-kap negozjatur tal-UE Michel Barnier. Fi tmiem id-dibattitu, il-Parlament approva resoluzzjoni li tissuġġerixxi lill-Kunsill li hemm bżonn avvanzi konkreti bi qbil mal-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-ftehim dwar l-irtirar tar-Renju Unit.

Waqt l-intervent fis-sessjoni tal-plenarja, Marlene Mizzi: “In-nies jinsabu mħassbin u għandhom dritt ikunu inkwetati dwar il-futur tagħhom, għax ma jafux x’se jsir minnhom meta jseħħ il-Brexit. Li tmur tgħix f’pajjiż ieħor hija deċiżjoni kbira li hija bbażata fuq id-drittijiet li jkun se jkollhom f’dak il-pajjiż. Drittijiet li jassiguraw li jkunu trattati b’mod ugwali u li jkomplu jgawduhom matul ħajjithom f’dan il-pajjiż!”

“Li nżommu s-sett sħiħ ta’ regoli Ewropej bl-applikazzjoni sħiħa tal-erba’ libertajiet, mingħajr ma nimponu tbatija żejda fuq iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u viċe-versa huwa l-prerekwiżit ewlieni għas-suċċess ta’ dawn in-negozjati,” qalet l-MPE Mizzi.

“Huwa bżonjuż li ninkorporaw is-sett sħiħ tad-drittijiet li qed igawdu bħalissa ċ-ċittadini fil-ftehim tal-irtirar. Il-ħidma tat-tim ta’ negozjaturi tal-UE se tiddetermina d-destin ta’ ‘l fuq minn erba’ miljun ċittadin, u huwa għalhekk li jien ivvotajt favur din ir-risoluzzjoni li tiddefendi l-interessi tan-nies,” ikkummentat Marlene Mizzi wara l-vot dwar ir-risoluzzjoni tal-Parlament.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *