Għada, it-Tnejn, 9 ta’ Ottubru, 2017, il-Professur Edward Scicluna, Ministru għall-Finanzi, iressaq il-Baġit għas-sena 2018, l-ewwel baġit ta’ din il-leġiżlatura. L-ewwel baġit wara l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju li għadda. Wara l-Elezzjoni ta’ Marzu 2013, u allura l-ewwel amministrazzjoni Laburista mmexxija mill-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Scicluna kien ukoll jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Finanzi. Dakinhar Gvern Laburista kien għamel tiegħu l-baġit ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista imħejji lejn tmiem is-sena 2012 imma li ma ġiex approvat mill-Parlament u li kawża t’hekk waqa’ l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi.

Gvern Laburista kien għamel tiegħu l-baġit imħejji minn Gvern Nazzjonalista mhux għax kien jaqbel ma’ kull ħaġa li kien hemm fl-aħħar baġit Nazzjonalista, imma biex jassigura li ma jkunx hemm turbolenzi fil-perjodu ta’ transazzjoni minn amministrazzjoni tal-pajjiż għal oħra, aktar u aktar meta kien hemm bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiż. Gvern Laburista ma riedx joħloq skossi. Gvern Laburista ried li kemm jista’ jkun ikun hemm bidla wietja fl-amministrazzjoni tal-pajjiż. U għax hekk jitlob l-għaqal hekk kien sar.

Ċertament li għada l-Ministru Scicluna se jkun f’pożizzjoni ferm aħjar milli kien fiha wara amministrazzjoni Nazzjonalista f’Marzu 2013. Għada l-Ministru Scicluna se jkun qed jimmanuvra l-vapur minn sitwazzjoni ferm differenti u ferm aħjar milli kien fl-ewwel amministrazzjoni Laburista ta’ Marzu 2013. Fit-tħejjija għall-baġit ta’ għada l-Ministru Scicluna kien f’pożizzjoni li kien jaf eżattament minn fejn se jitlaq. Ma naħsibx li ltaqa’ ma’ xi sorpriżi bħalma nimmaġina li ltaqa’ magħhom meta daħal fil-Ministeru tal-Finanzi f’Marzu 2013.

Fi tħejjija għall-baġit ta’ għada l-Ministru Scicluna kien qiegħed jaħdem f’għalqa li kienet ilha tinħadem erba’ snin minn amministrazzjoni Laburista. Għalqa li grazzi għal ħidma għalenija bdiet tirrendi l-frott. Tul l-erba’ snin tal-leġiżlatura li għaddiet Gvern Laburista kiseb riżultati li pajjiżi oħrajn Ewropej lanqas biss ħolmuhom. Biżżejjed wieħed isemmi li filwaqt li fil-bidu tal-Leġiżlatura 2013-2017 il-pajjiż kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ deficit, u mhux deficit taċ-ċajt, illum ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-kelma DEFICIT inqalbet għal SURPLUS. Dan seħħ għall-ewwel darba wara 35 sena sħaħ.

Meta Joseph Muscat kien jgħid li jrid jagħmel lil pajjiżna l-aqwa fl-Ewropa kien hemm min kien xettiku, u xettiku mhux ftit. Ma kinux ftit dawk li bdew jgħidu li Joseph Muscat kien qiegħed jara kbir. Ma kinux ftit dawk li ppruvaw jirredikolawh. Illum, wara biss ftit aktar minn erba’ snin, dan qegħdin narawh, qegħdin nesperjenzawh fir-realtà kollha tiegħu.

Tul il-Leġiżlatura li għaddiet seħħet rivoluzzjoni siekta f’pajjiżna. Rivoluzzjoni għall-aħjar. Minn sitwazzjoni fejn il-ħaddiema jiġru għal biċċa xogħol, għal sitwazzjoni fejn min jimpjega, u dan japplika għal kull settur, jiġri wara l-ħaddiema biex jagħtihom ix-xogħol. Illum jekk tħares lejn iċ-ċifra ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol u tqabbilha ma’ kemm kienet f’Marzu 2013, issib baħar jaqsam. L-istess jekk tqabbel kemm kien hawn nies jaħdmu dakinhar u kemm hawn illum. U tista’ tibqa’ sejjer hekk f’kull settur. F’kull wieħed se ssib li sar progress enormi.

Din hija s-sitwazzjoni li kien fiha l-Ministru Edward Scicluna waqt li kien qed iħejji għall-baġit tas-sena 2018. Sitwazzjoni li ma ngħatatlux fuq platt tal-fidda minn ħaddieħor. Ħaddieħor ħallielu, kif jgħidu l-Ingliżi, “a poisoned chalice”.

Il-poplu huwa konxju minn dan kollu. Tant huwa konxju l-poplu li llum għandu aspettattivi kbar. Aspettattivi li ma rriżultawx biss kawża tal-fatt li llum il-pajjiż għadda għal fażi ta’ surplus fil-finanzi tiegħu, imma wkoll għax illum il-poplu esperjenza direttament, ra b’għajnejh u miss b’idejh, li dak li l-Partit Laburista wiegħed qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 fil-maġġoranza assolutissima tagħha twettaq. Il-poplu tant huwa konxju minn dan li meta f’Ġunju li għadda ssejjaħ biex jagħti l-ġudizzju tiegħu, il-Partit Laburista ngħata mandatt b’maġġoranza akbar minn dak li kien ingħata fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013.

F’Ġunju li għadda l-poplu Malti u Għawdxi kellu f’idejh diversi Programmi Elettorali preparati mill-partiti politiċi li kkontestaw l-Elezzjoni Ġenerali ta’ dakinhar. Il-maġġoranza assoluta tal-poplu għażlet il-Programm Elettorali tal-Partit Laburista għax temmen bis-sħiħ, aktar u aktar wara li għandha l-provi f’idejha, li l-Partit Laburista dak li jwiegħed iwettqu.

Konvinta li meta għada, bħalkom se nkun qegħda insegwi lill-Ministru tal-Finanzi l-Professur Edward Scicluna jressaq l-ewwel baġit ta’ din il-Leġiżlatura, naraw il-bidu tat-twettiq ta’ dak imwiegħed għall-ħames snin li ġejjin u li bdejna flimkien b’riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017.

(Il-KullĦadd 08.10.17)

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *