Naħseb li jiena fost dawk li nista’ nitkellem b’ċerta esperjenza dwar kemm tħossok imweġġa’ meta tkun barra minn pajjiżek u tisma’ Maltin bħalek jitkellmu kontra pajjiżek. Esperjenza li primarjament ksibtha tul is-snin li ili nservi bħala Membru Parlamentari Ewropew f’isem Malta. Ma naħsibx li għandi għalfejn noqgħod nispeċifika.

Niskanta kultant kif hawn min mhux kapaċi jirreżisti l-għamad politiku, jara biss sa mnieħru, imma l-aqwa li mingħalih ikun qiegħed itellef lill-Gvern. Niskanta wkoll kif dawk li jaqgħu f’dan il-livell ma jirrealizzawx li fil-verità l-ħsara ma tkunx qegħda ssir lill-Gvern, illum iffurmat mill-Partit Laburista, imma  lill-pajjiżhom. U nuża t-terminu “ma jirrealizzawx” biex nevita t-tentazzjoni li ngħid li tali attitudni tkun intenzjonata u mhux sforz l-entużjażmu partiġġjan.

Imma jibqa’ l-fatt li intenzjonata jew mhix, il-ħsara tkun qegħda ssir. Il-ħsara fis-sens li lil pajjiżna hemm min jikkunsidrah bħala kompetitur qawwi f’diversi setturi ekonomiċi u finanzjarji. Hemm min ma jippretendix li kellna naslu fejn fil-verità wasalna. Hemm min jissottovalutana minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna. U allura jaħtaf l-okkażjoni u juża dak li jkun qed jixxerred minn Maltin bħalna biex ipoġġi lil pajjiżna f’dell ikrah.

Dan isir aktar u aktar meta Maltin bħalna jippruvaw li minn qatra ilma jagħmlu għadira. U l-barrani juża dik l-għadira biex minnha mbagħad joħloq tsunami. Agħar minn hekk hija s-sitwazzjoni fejn Maltin bħalna jitkellmu mal-midja barranija, jiġu kwotati mil-lat dispreġjattiv li jkunu tkellmu bih dwar pajjiżna stess, u s-sors ta’ dan kollu jiġi jgħajjat Malta dwar x’qed tgħid il-midja internazzjonali, meta fir-realtà l-midja tkun qed tikkwota lilhom!

Din is-sitwazzjoni qegħdin ngħixuha manifestament bħalissa, imma eventwalment il-ħsara lil pajjiżna tibda tinħass aktar ‘il quddiem. Ma nistax nifhem kif min qed jirrikorri għal din l-istrateġija ma jirrealizzax li l-ħsara li qed jiżra’ llum jista’ jkun hu li għada jsibha ma’ wiċċu. Ma nistax nifhem kif ma jirrealizzawx kemm ikun diffiċli, kemm irid jinħela żmien u riżorsi biex tipprova tnaddaf dak li int stess tkun ħammiġt. Ma nistax nifhem kif tant jieħdu gost iċapċpu lid-deni li qed isir lil pajjiżhom.

Riċentement qrajt x’kellu xi jgħid eks-Ministru Nazzjonalista dwar kemm sabuha diffiċli jneħħu l-impressjoni li kienet ingħatat dwar Malta lill-barranin meta kienu jpinġu lil pajjiżna bħala li hu xi satellita tal-Libja. Kienu jagħmlu dan meta pajjiżna kellu Gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff. Meta fir-realtà dan ma kienx minnu, tant li mal-Libja minkejja r-relazzjonijiet tajbin li kellha Malta ma’ pajjiż ġar tagħna fuq il-periferija ta’ fuq tal-kontinent Afrikan, Gvern Laburista kellu tilwima kbira dwar il-linja medjana u t-tħaffir għaż-żejt.

Imma donnu hemm min ma jridx jitgħallem. Hemm min il-missjoni tiegħu, ikun fejn ikun, hija li mingħalih jagħmel ħsara lill-Gvern Laburista u jiġi jaqa’ u jqum li l-ħsara qiegħed filfatt jagħmilha lill-pajjiż.

Kultant meta nkun qed nisma’ x’ikun qed jingħad dwar pajjiżna, u meta mill-ewwel ninduna li dak li jkun qed jingħad ma jirriflettix il-verità, nibda nistaqsi lili nnifsi: possibbli mhux qed ikun realizzat li b’dak li qed jingħad qegħdin indardru l-ilma li nixorbu minnu? Possibbli ma jirrealizzawx li bl-imġieba tagħhom ikunu qegħdin jipperikolaw l-għixien ta’ ma nafx kemm familji?

Possibbli ma jindunawx li anke l-istess barranin li jkunu qegħdin jisimgħuhom u li fid-deher jkunu jidhru li se japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni, privatament jesprimu kemm ikunu ddisgustaw ruħhom bl-attitudni ta’ xiħadd li b’mod intenzjonat ikun qed jagħmel ħsara lil pajjiżu?

Nista’ ngħid dan bl-akbar libertà. Esperjenza bħal din għixtha diversi drabi. Sitwazzjonijiet bħal dawn għexnihom bl-aktar mod ċar meta quddiem il-Parlament Ewropew dehru l-Avukat Toni Abela u warajh is-Sur Leo Brincat. Nafu b’liema mod ġew trattati Abela u Brincat. Nafu x’kienu l-iskużi li ġabu biex jekk jista’ jkun la Toni Abela u lanqas Leo Brincat ma jagħmluha biex iservu fil-Qorti tal-Awdituri.

Nafu b’liema animu saru d-diskorsi, bħalma nafu b’liema animu kien hemm min tkellem meta indirizza l-Parlament Ewropew il-Prim Ministru Joseph Muscat ftit tal-ġimgħat ilu. Kien hemm min ħa gost li MEP Ġermaniż, magħruf għall-arroganza tiegħu, qabad u telaq ‘il barra meta l-Prim Ministru Malti kien qed iwieġeb. U dawk li ħadu gost, kienu  boloh biżżejjed  li ma ndunawx li dan l-MEP arroganti  kien qed jinsulta lil pajjiżhom. U bħal boloh li taqlgħalhom għajnejhom,   xorta ċapċpu!

Imġieba bħal din m’għandux ikun hemm lok għaliha. Imġiba bħal din issib appoġġ biss mill-fanatiċi. Imġiba bħal din jirrikorri għaliha min donnu ma jridx jaċċetta li qiegħed f’minoranza assoluta. Imġiba bħal din iġġorr magħha l-istmerrija ta’ min verament iħobb lil pajjiżu.

Fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju li għadda il-poplu tkellem. Imma m’hemmx trux akbar minn dak lil ma jridx jisma’!

Ħu gost meta pajjiżek jiġi mżeblaħ  u mgħajjar!

Ċapċap, ja iblah!

il-KullĦadd 12.10.17

____

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *