Il-persuni b’diżabilità għandhom l-istess drittijiet ċivili, politiċi, soċjali u ekonomiċi bħal kulħadd, iżda minħabba ż-żieda fl-użu tat-tekonoloġiji diġitali fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u privati, ta’ spiss jispiċċaw ma jkollhomx aċċess għal dawn l-istess drittijiet. Teknoloġiji diġitali aċċessibbli u għarfien dwar kif jintużaw dawn it-teknoloġiji huma ta’ importanza sħiħa biex il-persuni b’diżabilità jipparteċipaw b’mod ugwali fis-soċjetà u fl-ekonomija, u biex ikollhom aċċess aktar komdu għas-servizzi pubbliċi.

Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Novembru, 2017, l-MPE Marlene Mizzi se torganizza l-konferenza pubblika Accessibility Without Discrimination fil-Lukanda Phoenicia, bl-appoġġ tal-grupp S&D tal-Parlament Ewropew, mid-9.00 a.m. sas-2.00 p.m.

L-għan ta’ din il-konferenza huwa li jitqajjem għarfien dwar dan is-suġġett filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-persuni b’diżabilità. Is-Digital Single Market joħloq ħafna opportunitajiet għaċ-ċittadini u n-negozji, iżda ħafna persuni b’diżabilità fl-Ewropa huma esklużi jew imċaħħdin milli jużaw prodotti u servizzi diġitali bażiċi minħabba nuqqas ta’ rekwiżiti ta’ aċċessibilità jew għarfien.

Accessibility Without Discrimination hi konferenza lui qed tiġi organizzata bl-appoġġ tal-Malta Communications Authority (MCA) u l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD). Se tkun konferenza miftuħa għall-pubbliku ġenerali iżda se timmira l-aktar fuq min iħaddem u l-ħaddiema kif ukoll persuni b’diżabilità li jiffaċċjaw sfidi varji kontinwament. Se tlaqqa’ flimkien stakeholders, policymakers tal-Gvern u organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili bl-għan li jindirizzaw din il-kwistjoni importanti.

L-Onor. Anthony Agius Decelis, Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, kif ukoll l-Onor. Silvio Schembri, Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, se jkunu fost il-parteċipanti f’dan l-avveniment. Il-konferenza se tinkludi wkoll preżentazzjonijiet minn Enable Ireland, organizzazzjoni li ma tagħmilx profitt u hija ffinanzjata mill-istat, u li tipprovdi servizzi b’xejn għat-tfal u l-adulti b’diżabilità u lill-familji tagħhom fl-Irlanda; u minn Vickie Gauci, Terapista Okkupazzjonali li qed tistudja fl-Università ta’ Leeds fuq attiviżmu tad-diżabilità, it-teknoloġija assistiva u d-disinn universali.

Biex tattendi għal Accessibility Without Discrimination irreġistra fuq http://mizzimarlene.com/register/. Għal aktar informazzjoni ibgħat email fuq jew ċempel 21 226 845. Ibbukkja bil-quddiem għax il-postijiet huma se jinżammu fuq bażi ta’ first come, first served.

_________

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *