Il-ġimgħa li għaddiet il-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza assoluta ta’ 501 favur, 28 kontra u 72 astensjoni, favur ir-Rapport ta’ Marlene Mizzi dwar l-attivitajiet annwali tal-Ombudsman Ewropew.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Frans Timmermans u l-Ombudsman Ewropew Emily O’Reilly faħħru r-rapport u l-ħidma eċċellenti ta’ Marlene Mizzi waqt dibattitu estensiv fil-jum qabel ma ttieħed il-vot. “Nixtieq nirringrazzja lil Marlene Mizzi għal rapport tassew eċċellenti li jgħinna ntejbu s-servizz li nipprovdu liċ-ċittadini tagħna,” qal il-Kummissarju Timmermans.

Membri tal-Parlament minn gruppi politiċi differenti qablu li dan ir-Rapport joffri valur miżjud reali, u huwa ta’ importanza strateġika biex tissaħħaħ il-ħidma tal-Ombudsman Ewropew u l-amministrazzjoni tal-UE.

L-MPE Marlene Mizzi qalet li “l-Ombudsman Ewropew huwa l-għassies għall-amministrazzjoni tajba li jassigura li l-istituzzjonijiet jaħdmu b’mod ġust u ma jirfsux id-drittijiet taċ-ċittadini.

Li tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE – speċjalment fi żmien ta’ xettiċiżmu ġenerali tal-proġett tal-Unjoni – għandu jkun l-għan aħħari tagħna. Nistgħu nibdew nibnu din il-fiduċja billi niggarantixxu d-dritt ta’ amministrazzjoni tajba tal-ogħla standards liċ-ċittadini.Ilkoll kemm aħna fid-dmir li nirrappreżentaw liċ-ċittadini Ewropej f’kull ħaġa li nagħmlu.”

Ir-rapport tal-MPE Marlene Mizzi jipprovdi rakkomandazzjonijiet ta’ valur dwar kif għandhom jittejbu t-trasparenza, ftuħ, aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti, rispett lejn id-drittijiet taċ-ċittadini u l-ogħla standards etiċi fl-istituzzjonijiet tal-UE.  Dawn l-oqsma kollha għadhom fil-quċċata tal-lista tat-tħassib taċ-ċittadini fil-każi investigati mill-Ombudsman Ewropew.

“Irridu nkunu kommessi li ntejbu l-mod li bih taħdem l-amministrazzjoni tal-UE u npoġġu liċ-ċittadini fil-qalba ta’ din il-ħidma. Irridu naraw li naħdmu b’mod aktar trasparenti, li nkunu aktar responsabbli u li nirreaġixxu minnufih meta ma jintlaħqux l-ogħla standards. Ninsabu fit-triq it-tajba u din għandha tkun il-konklużjoni ta’ dan il-vjaġġ. Imma ejjew ma nidħkux bina nfusna. L-UE għad trid tistinka aktar biex tikseb l-ogħla livell ta’ responsabbiltà u trasparenza,” qalet l-MPE Mizzi.

 Ir-Rapport jinnota wkoll l-amministrazzjoni ħażina fir-rigward tal-Kodiċi tal-Kondotta tal-Kummissarji. “Meta niġu għall-fenomenu ta’ ‘revolving door’ jew kunflitt ta’ interess, huwa ċar li jridu jiġu applikati l-ogħla standards etiċi u morali fl-istituzzjonijiet tal-UE. Irridu nassiguraw li jkun hemm rispett u dan jista’ jsir biss permezz ta’ integrità assoluta u indipendenza sħiħa mis-settur privat. Irridu naraw reviżjoni tal-Kodiċi tal-Kondotta tal-Kummissarji,” qalet Marlene Mizzi.

Ir-Rapport tal-MPE Mizzi jitlob ukoll għal leġiżlazzjoni Ewropea fuq il-protezzjoni tal-whistle-blowers, li għandha tfassal mezzi u proċeduri xierqa biex isiru rapporti dwar kull forma ta’ amministrazzjoni ħażina. Fl-aħħar imma mhux l-inqas, ir-Rapport jitlob lill-Ombudsman biex jgħin aktar fil-ħidma kontra l-fastidji u l-abbużi sesswali fl-istituzzjonijiet tal-UE.

____

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *