Ċertament li l-frażi “libertà tal-espressjoni” bħalissa hija fuq fomm kulħadd. L-ironija hija li hawn min qiegħed jipprova jagħti l-impressjoni li din qiegħda b’xi mod tiċċaħħad. Bogħod mill-verità aktar minn hekk ma tistax tkun. Prova ta’ dan tista’ ssib mhux waħda, imma miljun.

Jekk f’pajjiżna kien hawn, u hawn, min ħadem kemm felaħ favur il-libertà tal-espressjoni dan huwa l-Partit Laburista, li illum hu fil-Gvern. U dan huwa loġiku, għax huwa l-Partit Laburista li tul l-istorja politika ta’ pajjiżna dejjem sofra min-nuqqas ta’ din il-libertà.

U ara ma taħsibx li rridu mmorru xi seklu lura fiż-żmien biex naraw kif verament kienet tinħonoq il-libertà tal-espressjoni lil dawk li kienu jiffurmaw il-Partit Laburista jew li sempliċiment jappoġġjawh billi jixtru u jaqraw il-gazzetti tiegħu. Qiegħda mmur lura biss għas-snin sittin.

Dak iż-żmien il-Knisja Kattolika f’Malta kienet tiskumnikak jekk taqra il-ġurnal tal-Partit Laburista “Il-Ħelsien”. Il-Knisja Kattolika f’Malta kienet iċċaħħdek mis-sagramenti tagħha. La kienet tqarbnek. La kienet iżżewġek fil-knisja. La kienet tgħammidlek lil uliedek u lanqas ma kienet tidfnek f’post sagru wara mewtek. Kienet tidfnek f’rokna fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata li kienet magħrufa bħala l-Miżbla.

U ara ma jiġix xiħadd jgħidli li dik kienet deċiżjoni konnessa biss mar-reliġjon Kattolika f’Malta. Hekk kienet, imma kemm iggwadanja minnha l-Partit Nazzjonalista! Kemm inqeda biha. Rebaħ Elezzjoni Ġenerali waħda wara oħra għax il-Knisja Kattolika f’Malta kienet iddikjarat li kien dnub mejjet jekk tivvota għall-Partit Laburista. Kemm sfrutta dan in-nuqqas ta’ libertà tal-espressjoni l-Partit Nazzjonalista. Ma ħariġx jappoġġja lill-Partit Laburista fil-ġlieda tiegħu għal-libertà tal-espressjoni.

Ħasbuna se  ninsew li l-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien, it-Tabib Pawlu Borg Olivier, kien ordna li l-ġurnal “Il-Ħelsien” ma setax jiddaħħal fl-Isptar San Luqa. Ħasbuna li se ninsew li l-Gvern Nazzjonalista kien instab ħati ta’ ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fuq dan?

Il-libertà tal-espressjoni hija xiħaġa mill-isbaħ. Dritt fundamentali. Imma huwa dritt li jġorr miegħu obbligu daqstant ieħor kbir. L-obbligu li ma jkunx hemm abbuż mil-libertà tal-espressjoni. Għandu jkollok id-dritt tesprimi ruħek b’kull mod, imma ma jfissirx li għandek id-dritt tagħmel dan mingħajr ma tirrispetta d-drittijiet ta’ ħaddieħor. Il-libertà tal-espressjoni hija pilastru tad-demokrazija imma m’għandek qatt thedded l-istess demokrazija billi tabbuża mil-libertà tal-espressjoni billi, fost affarijiet oħra, tipprovoka, tgħajjar jew tħammeġ.

Huwa fatt magħruf li l-abbuż mil-libertà tal-espressjoni sar wieħed rampanti mal-iżvilupp tal-midja soċjali. Sfortunatament, is-social media  u l-abbuż tagħha, ma tgħinx għax hemm il-kodardi u l-kattivi li mistura wara l-computer, moħbija wara nom-de plume u profili foloz,  fil-kenn ta’  darhom jemmnu lil jistgħu jfajru insulti u offiżi kemm iridu taħt il-prinċipju tal-libertà  tal-espressjoni.  Biex ma nsemmux xi bloggers, li  donnhom għandhom dritt divin li jiktbu u jkissru lil min iridu imma alla ħares ma taqbilx magħhom!

Imma, tkun qed  tinganna meta tipprova tagħti l-impressjoni li f’pajjiżna hawn xi forma ta’ theddida għal-libertà tal-espressjoni. Theddida għal-libertà tal-espressjoni meta xbajna naraw manifestazzjonijiet pubbliċi kontra ħaġa jew oħra? Manifestazzjonijiet karatterizzati minn insulti lil individwi u istituzzjonijiet?

Li ma kienx hawn libertà tal-espressjoni kien ikun possibbli li l-Pjazza ta’ Kastilja tinbidel f’camping site għal diversi jiem? Li ma kienx hawn libertà tal-espressjoni kien se jkun possibbli li numru ta’ nisa jiddaħħlu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u jkellmuh b’mod li jwasslek għall-konklużjoni li qegħdin jinsulentawh? Din libertà tal-espressjoni jew abbuż minnha?

Mhux abbuż mil-libertà tal-espressjoni jkun meta taħmi konfoffa u delegazzjoni tal-Parlament Ewropew titwassal biex titlob protezzjoni għal waqt żjara li tkun se tagħmel f’pajjiżna, qisu qegħdin ngħixu l-Jemen, jew iċ-Chad, jew is-Sirja u pajjiżi oħra magħrufa għal perikli serji?

Fl-opinjoni tiegħi huwa abbuż mil-libertà tal-espressjoni li twaddab it-tajn fuq xiħadd bl-iskuża li jekk dak milqut iħoss li jkun inġurjat allura għandu r-rimedju tal-Qorti. Huwa minnu li hemm dan ir-rimedju imma huwa minnu wkoll li l-ħsara tkun immedjata imma r-rimedju jieħu t-tul taż-żmien għax ovvjament ikun hemm il-proċeduri tal-Qorti xi jkunu segwiti kif inhu sewwa u xieraq. Mhux l-ewwel darba li smajna b’każi fejn min ikun waddab it-tajn ma jersaqx lejn il-Qorti biex jissostanzja dak li jkun qal jew kiteb. Imma l-gwadann, il-ħsara tkun laħqet saret.

Irrid nagħlaq bi prova attwali tas-sensittività ta’ Gvern Laburista fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni. Il-Parlament Malti bħalissa qed jiddiskuti Abbozz ta’ Liġi msejjaħ Att biex jipprovdi għall-aġġornar tar-regolamentazzjoni ta’ ħwejjeġ li jikkonċernaw il-midja u l-malafama u għal ħwejjeġ konsegwenzjali jew anċillari għal dan.

L-għanijiet ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi huma sabiex jiġu aġġornati l-liġijiet dwar il-malafama, it-tneħħija tal-libell kriminali, u l-introduzzjoni rimedju ċivili ġdid għall-inġurja. Abbozz ta’ Liġi li sab l-appoġġ tal-ġurnalisti infushom. Nittama li dan l-ispirtu jkun reċiprokat billi ma jkunx hemm  abbuż. Għax il-libertà  tal-espressjoni qiegħda hemm biex turi demokrazija u mhux tintuża biex inweġġgħu, ninsultaw, numiljaw lil min ma jaqbilx magħna.

Il-KullĦadd 10.12.17

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *