L-MPE Marlene Mizzi, flimkien mal-Koalizzjoni ta’ Pazjenti tal-Kanċer Ewropej, organizzat konferenza fil-Parlament Ewropew dwar l-aċċess u l-għarfien tal-ittestjar tal-kanċer ġenetiku u tipi oħrajn ta’ bijomarkaturi li jistgħu jgħinuna nidentifikaw id-dgħufija ta’ tipi differenti ta’ kanċers, u nassiguraw li l-persuna t-tajba tirċievi t-trattament it-tajjeb fl-aħjar żmien.

Id-diskussjoni mal-policymakers u l-esperti Ewropej fil-qasam kienet immirata lejn l-importanza tal-bijomarkaturi u l-azzjonijiet meħtieġa biex il-mediċina preċiża fit-trattament tal-kanċer issir realtà madwar l-Ewropa.

Fl-istqarrija tal-ftuħ tagħha l-MPE Mizzi qalet li “l-kanċer iqajjem tħassib kbir fost il-pubbliku fl-Istati Membri u huwa prijorità ewlenija tal-politika tas-saħħa tal-UE. Skont l-aktar statistiċi riċenti, fl-2014, kważi 1.3 miljun persuna mietu bil-kanċer fl-UE. Sfortunatament, iċ-ċittadini Ewropej kollha jinsabu f’riskju li jesperjenzaw il-marda fuqhom stess jew permezz ta’ membru tal-familja jew ħabib.”

“Ninsab konvinta li għandna bżonn naħdmu flimkien biex nindirizzaw din l-isfida. Ħajjet il-persuni li huma affettwati mill-kanċer tista’ tittejjeb u l-bijomarkaturi tal-kanċer jistgħu jagħmlu dan speċifikament u, aktar importanti minn hekk, iżidu ċ-ċans li l-persuni bil-kanċer jirċievu trattament aktar personalizzat, xieraq għall-kundizzjoni speċifika tagħhom.”

L-MPE Marlene Mizzi enfasizzat ukoll il-ħtieġa ta’ aktar għarfien dwar il-bijomarkaturi u l-bżonn ta’ aktar progress lejn qafas ta’ ħidma regolatorju aktar effiċjenti li jżid l-aċċess u potenzjalment inaqqas l-ispejjeż għall-ittestjar tal-bijomarkatur.

“Huwa ta’ importanza assoluta li naħdmu flimkien biex inżidu l-litteriżmu tal-bijomarkaturi fost il-pazjenti tal-kanċer fl-Ewropa. Irridu ngħinu lill-pazjenti jifhmu aħjar il-bijomarkaturi u  nappoġġjaw il-kampanji ta’ għarfien li jżidu l-litteriżmu tal-bijomarkaturi billi l-pazjenti jkunu mgħarrfin aħjar fejn iridu jmorru biex ikollhom l-ittestjar tal-bijomarkaturi,” qalet Marlene Mizzi waqt l-attività.

L-ittestjar ġenetiku u tipi oħrajn ta’ ttestjar tal-bijomarkatur diġà huma disponibbli għal ħafna tipi ta’ kanċers. Dawn it-tests jgħinuna nidentifikaw il-persuni li jistgħu jibbenefikaw minn trattament effettiv tal-kanċer effettiv, jassiguraw sistemi tas-saħħa sostenibbli, u jevitaw it-tossiċità relatata mat-trattamenti. Madankollu, l-awtorizzazzjoni għall-użu u r-rimbors għalihom ivarjaw minn pajjiż għal ieħor,” qalet l-MPE Mizzi.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *