Fir-rwol tagħha bħala Viċi-President tal-Kumitat PETI, l-MPE Marlene Mizzi ħeġġet lill-Parlament Ewropew fi Strasburgu biex jipprovdi għarfien aħjar tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE biex iressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew.
“Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet jagħti s-saħħa liċ-ċittadini tal-UE bid-dritt li jressqu fil-Parlament kwistjonijiet li huma importanti għalihom fil-ħajja ta’ kuljum, u li jkollhom it-tħassib tagħhom indirizzat speċifikament mill-MEPs u mill-Parlament,” qalet Marlene Mizzi fi Strasburgu, fejn il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvotaw dwar ir-Rapport Annwali fuq l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet.
Marlene Mizzi qalet: “Il-Kumitat għandu rwol kruċjali biex jgħaqqad lill-UE maċ-ċittadini Ewropej u biex isaħħaħ il-leġittimità u l-akkontabilità demokratiċi tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Madankollu, wieħed jsita’ jinnota li l-għadd ta’ petizzjonijiet mibgħutin mhuwiex sodisfaċenti meta mqabbel mal-popolazzjoni tal-UE.”

Mizzi ħeġġet lill-Parlament biex isiru aktar sforzi biex jiżdied l-għarfien u biex ikun promoss id-dritt ta’ petizzjoni u l-ħidma tal-Kumitat PETI. “Naqbel li għandu jkun hemm aktar komunikazzjoni pemezz tal-istampa u l-media soċjali biex jikber l-għarfien tas-servizzi offruti minnd an il-kumitat importanti,” ikkummentat Marlene Mizzi.

“Id-dritt li tissottometti petizzjoni lill-Parlament Ewropew jibni pont importanti li jrid jiġi protett u promoss b’mod xieraq. L-esperjenza pożittiva jew negattiva u l-mod kif jiġu ttrattati dawk li jressqu petizzjoni jifformaw l-attitudni tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, rispons effiċjenti u fil-ħin għall-petizzjonijiet taċ-ċittadini huwa ta’ importanza assoluta, għax jirrifletti l-importanza li l-UE tagħti liċ-ċittadini,” qalet l-MPE Marlene Mizzi.

_____

 

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *