Ninsabu diġà f’nofs l-ewwel xahar ta’ sena ġdida li nittama li bdejtuha bil-mod li bih xtaqtu u li nawgura li tkun waħda ta’ risq, hena u saħħa għal kulħadd. Ovvjament ħadd ma jista’ jgħid x’se tkun qed iġġibilna magħha din is-sena, imma ċertament li ninsabu f’pożizzjoni li ngħidu almenu mnejn se nkunu tlaqna għal matulha. Dan bil-benefiċċju tal-fatt li nafu kif għaddejna u temmejna s-sena 2017.

Għadna kemm għaddejna mill-perjodu festiv, li jekk għal xejn, żgur iservi biex wieħed iħoss aktar mill-qrib il-polz tal-poplu. Fejn wieħed jista’ faċilment josserva “il-burdata” tal-poplu, jekk il-poplu jqumx għall-okkażjoni ta’ dawn il-jiem; jekk il-poplu jħossux komdu jadatta ruħu għal dak li jġibu magħhom dawn il-jiem ta’ festi.

Ma naħsibx li nkun bogħod mir-realtà jekk ngħid li l-attività kummerċjali ta’ dawn il-jiem uriet bl-aktar mod ċar li l-maġġoranza tal-poplu ħassitha komda. Ħassitha komda għax kellha f’idejha aktar flus x’tonfoq. U kellha f’idejha aktar flus x’tonfoq għax kellha dħul akbar.

Ma’ dan wieħed jista’ jżid ukoll il-fatt li l-poplu kien konxju li sa mill-bidu ta’ din is-sena ġdida kienu se jidħlu fis-seħħ għadd ta’ miżuri li tħabbru fil-baġit ta’ ftit ġimgħat ilu u li permezz tagħhom il-maġġoranza flagranti tal-poplu se jkollha ħajja aktar komda, b’mod partikolari faxex partikolari tal-popolazzjoni Maltija u Għawdxija.

Il-ħidma politika u ekonomika tal-Gvern Laburista tul il-leġiżlatura li għaddiet irrendiet il-frott. Frott li għamilha possibbli li jittejbu l-pensjonijiet wara numru twil ta’ snin. Il-ħolqien enormi ta’ xogħol, li liberament illum tgħid li ma jaħdimx min verament ma jistax jaħdem jew min litterament ma jridx jaħdem, fisser li ttejjeb il-livell ta’ għejxien. L-għadd kbir ta’ nisa li ngħataw l-opportunità jirritornaw għall-post tax-xogħol jew li għall-ewwel darba jidħlu fih b’riżultat ta’ miżuri fiskali introdotti mill-Gvern għamlu differenza fil-livell ta’ għixien ta’ bosta u bosta familji. Rajna tul il-leġiżlatura li għaddiet li għall-ewwel darba żdiedet il-paga minima u li din baqgħet mhux taxxabbli. Rajna t-tnaqqis fit-taxxi. Rajna l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jibqgħu b’rati mnaqqsin. Kollha miżuri li ħallew aktar flus fi bwiet il-familji Maltin u Għawdxin.

Hekk bdejnieha s-sena 2018 u hekk se nkompluha, bid-differenza li magħhom se jiżdiedu miżuri oħrajn favorevoli għall-poplu. Il-ġid maħluq qed jasal aktar għand il-poplu. Ma jfissirx li qed jintlaħaq kulħadd kulħadd. Għad hawn problemi, għad hawn familji li ma jistgħux ilaħħqu daqskemm jixtiequ. Għad hawn min għadu qed jesperjenza forom ta’ faqar. Ma’ dan żdiedet problema oħra: il-problema tar-rati tal-kirjiet, li għolew b’mod tista’ tgħid sproporzjonat.

U huwa hawn l-impenn dikjarat tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Ma jistax ikun li nibqgħu nesperjenzaw il-problema tal-faqar jew tar-riskju tiegħu. Għamel tajjeb il-Gvern Laburista tul il-leġiżlatura li għaddiet li, kuntrarjament għal ħaddieħor, ma warrabx il-problema tal-faqar billi qal li l-faqar huwa perċezzjoni, li faqar m’hawnx. Gvern Laburista rrikonoxxa l-problema u daħlilha bir-ras, tant li sa tmiem il-leġiżlatura rnexxielu jnaqqasha bin-nofs. U se jkompli jiġġilidha.

L-istess se jsir dwar il-problema tal-kirjiet. Ir-ritmu u s-suċċess ekonomiku li għaddej minnu pajjiżna ħoloq domanda kbira ta’ akkomodazzjoni. Illum qegħdin naraw immigrazzjoni, nies ġejjin minn pajjiżi barranin biex jaħdmu f’pajjiżna, kuntrarjament għal dak li konna nesperjenzaw sa ftit tas-snin ilu, meta kien il-Malti u l-Għawdxi li jitlaq minn pajjiżu biex isib xogħol f’xi pajjiż barrani.

Huwa ovvju li l-immigrazzjoni kattret id-domanda għall-postijiet ta’ akkomodazzjoni. Id-domanda hija akbar mill-provvista, sitwazzjoni li b’mod naturali twassal biex jogħlew il-kirjiet. Problema li ma tagħmilx distinzjoni bejn immigrant u ċittadin. Is-sidien tal-proprjetajiet ma jħarsux lejn l-uċuħ. Is-sidien li jinteressahom hu l-introjtu, li l-investiment li jkunu għamlu jirrendi dak kollu possibbli.

Hemm dikjarazzjoni ċara min-naħa tal-Prim Ministru li din hija sitwazzjoni reali li se tkun mistħarrġa sew għax ma jistax ikun li jkollna minn fostna min jispiċċa vittma tas-suċċess tagħna stess.

Ninsab konvinta li sadattant il-Gvern se jkompli għaddej b’ħidma kontinwa biex pajjiżna jibqa’ jkattar il-ġid. Għax la darba jsir hekk il-pajjiż jibqa’ fil-pożizzjoni li issa huwa mdorri biha, li ma jċedix quddiem il-problema li jsib ma’ wiċċu. Imma li minn f’dik il-problema jara opportunità ġdida li tkompli tinstigah f’ħidmietu, li tkompli turih li fadal x’isir b’risq il-poplu li tul is-sena li għaddiet, f’Ġunju, ikkonferma b’saħħa akbar il-fiduċja li kien tah f’Marzu 2013 u reġa’ fdalu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh.

Mill-ġdid, awguri għal sena ġdida mimlija risq, hena u saħħa.

____________

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *