L-MPE Marlene Mizzi ġiet innominata għall-Premju tal-Membru tal-Parlament Ewropew tas-Sena għall-ħidma tagħha fil-kwistjonijiet tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur. Din hija t-tieni nomina għall-MPE Mizzi li s-sena l-oħra kien innominata għall-ħidma tagħha fuq kwistjonijiet tal-benessere tal-annimali.

Marlene Mizzi hija l-unika MPE Maltija li ġiet innominata għall-Premji tal-MPE 2018. Iż-żewġ Membri tal-PE li ġew innominati fil-kategorija tagħha huma mir-Renju Unit u r-Rumanija.

“Ninsab onorata li ntgħażilt f’lista qasira b’din in-nominazzjoni, li hija unur mhux biss għalija imma anke għal Malta. L-akbar sodisfazzjon tiegħi huwa li xogħli bħala MPE jħalli impatt reali fuq ħajjet in-nies u li l-vuċi tal-konsumaturi, taċ-ċittadini, u tal-kumpaniji mikro u żgħar tinstema’ fl-ispettru Ewropew u l-Parlament Ewropew. Li ġejt innominata minn fost 751 MPE huwa sinjal politiku li jurini li ħidmieti mhix qiegħda tgħaddi inosservata, u għaldaqstant tkompli timmotivani aktar biex inkompli naħdem b’aktar enerġija u entużjażmu fl-istess direzzjoni,” qalet l-MPE Mizzi.

Marlene Mizzi kellha rwol importanti fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur bħala negozjatur ewlieni fuq bosta dossiers tas-Suq Uniku Diġitali, li fformaw il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar kwistjonijiet importanti bħat-tariffi tar-roaming. Hija ħadmet ukoll fuq in-newtralità tal-internet u l-Istandards Ewropej fost l-oħrajn u hija waħda mill-Membri tal-PE ewlenin li qed jiġġieldu favur rati orħos fuq telefonati internazzjonali fl-Istati Membri tal-UE.

Bħalissa l-MPE Mizzi qiegħda taħdem fuq leġiżlazzjoni ġdida li se timmodernizza r-regoli tat-telekomunikazzjoni Ewropea. Bħala negozjatur tal-S&D hija qiegħda taħdem b’impenn biex jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur; jittejbu l-kundizzjonijiet għal persuni b’diżabilità; ikun ipprovdut internet bażiku u affordabbli bħala dritt universali għal kulħadd; u l-irfinar tan-numri ta’ emerġenza 112 u 116 fuq tfal irappurtati neqsin.

Hija ġiet appuntata wkoll bħala rapporteur fuq rapport leġiżlattiv li se jiddiġitalizza l-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri kollha tal-UE u b’hekk ikun eħfef għall-persuni u n-negozji biex jaċċessaw kwalunkwe informazzjoni amministrattiva li jeħtieġu permezz ta’ sit tal-internet uniku diġitali.

Il-premju  jiġbor flimkien il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-komunità ta’ stakeholders tal-UE biex jiġu rrikonoxxuti l-ħidma u l-kisbiet tal-Membri tal-PE fuq medda ta’ oqsma ta’ politika. Ir-riżultati tal-vot jitħabbru fil-21 ta’ Marzu.

_____

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *