Partit Laburista fil-Gvern se jkun qiegħed ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fl-istorja politika u soċjali ta’ pajjiżna fejn tirrigwarda s-saħħa tal-vot liċ-ċittadin Malti u Għawdxi. Kien il-Partit Laburista fil-Gvern li ta d-dritt tal-vot lil kulħadd. Kien il-Partit Laburista fil-Gvern li ta d-dritt tal-vot lill-mara. Kien il-Partit Laburista fil-Gvern li niżżel l-età tal-vot minn 21 sena għal 18-il sena. U issa se jkun Partit Laburista fil-Gvern li se jerġa’ jbaxxi l-età tal-vot għal 16-il sena u b’hekk se nkunu t-tieni pajjiż fl-Ewropa, wara l-Awstrija, li se nkunu qegħdin nagħmlu dan il-pass.

Għandu jingħad ukoll li din id-darba, fl-għoti tal-vot mas-16-il sena l-Partit Laburista fil-Gvern kellu l-koperazzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Dan kuntrarjament għal dak li kien ġara f’kull waħda mill-okkażjonijiet l-oħra li semmejt. Imma dak huwa l-passat u huwa rinfreskanti li tara qbil  fil-Parlament Malti.

Ma nkunx qed ngħid il-verità jekk ma ngħidx li jeżisti ċertu xettiċiżmu dwar dan il-pass. Xettiċiżmu li ovvjament huwa espress primarjament minn nies ta’ ċerta età, li  żgħażagħ ta’ 16-il sena jarawhom “tfal”. Issib min jgħidlek li ta’ 16-il sena l-individwu jkun għadu żgħir wisq biex jipparteċipa f’deċiżjoni daqstant importanti, l-għażla ta’ tmexxija ta’ pajjiż. Issib min jgħidlek li ta’ 16-il sena l-individwu ma jkunx matur biżżejjed biex jifhem, jiżen u jiddeċiedi kwistjonijiet daqstant importanti.

Bla dubju,reazzjoni bħal din tista’ turta liż-żgħażagħ, anke jekk ma tistax tiċħad li hemm differenza għal dik li hija esperjenza tal-ħajja bejn individwu ta’ 50 sena u ieħor ta’ 16-il sena. Imma ma jfissirx li m’hemmx individwi ta’ 50 sena li minkejja l-età xorta m’għandhomx il-maturità li mistennijaminnhom!

Nemmen li sitwazzjoni tali hija waħda ta’ għandekx fiduċja jew le fiż-żgħażagħ. Jekk ma ħaqqu kredtu għal xejn Gvern Laburista ħaqqu għall-fatt li dejjem emmen fiż-żgħażagħ. Tajjeb niftakru li ħafna mix-xettiċiżmu li qegħdin naraw illum dwar il-vot ma’ 16-il sena kien intwera wkoll meta kien deċiż fil-bidu tas-snin sebgħin li l-età tal-vot titniżżel minn 21 sena għal 18-il sena.

L-istess xettiċiżmu bbażat fuq “nuqqas ta’ esperjenza” konna rajnieh meta d-delegati tal-Partit Laburista għażlu lil Joseph Muscat biex imexxi l-partit wara r-riżenja tal-predeċessur tiegħu Dr Alfred Sant. Kemm konna smajna min jgħidilna li “d-delegati Laburisti għażlu tifel biex imexxihom”. M’hemmx għalfejn noqgħod nelenka kemm kien żbaljat min kien ħareġ jgħajjat hekk. Kien hemm blogger li pprovat tgħaddini biż-żmien meta f´intervistaftit wara li Joseph Muscat ġie elett bħala mexxej tal-PL, kont għedt li minkejja l-etàżgħira, Joseph Muscat għandu l-kwalitajiet ta’ seasoned politican. It-trasformazzjoni li saret fil-Partit Laburista taħt iż-żagħżugħ Joseph Muscat tat prova aktar minn biżżejjed kemm meta l-partit kien fl-Oppożizzjoni u wisq u wisq aktar meta kien u qiegħed fil-Gvern, kemm kien verament seasoned dan il-politicianżagħżugħ!

Mhux se noqgħod nidħol fil-mertu ta’ xi drittijiet jagħtu l-liġijiet tagħna lil żgħażagħ ta’ 16-il sena biex niġġustifika l-għoti tal-vot ma’ din l-età. Liż-żgħażagħ tagħna qegħdin nesprimu fiduċja fihom meta qegħdin nagħmlu dan il-pass. Iż-żgħażagħ tagħna llum għandhom biex jifirħu li l-klassi politika qiegħda magħquda biex tagħtihom dan id-dritt. Hemm fiduċja assoluta.

B’dan id-dritt ma’ din l-età ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin se jkunu qegħdin jiktbu l-istorja mhux biss ta’ pajjiżna imma dik Ewropea fit-tħaddim ta’ dan id-dritt. Iż-żgħażagħ tagħna għandhom biex ikunu kburin li qiegħda tintwera daqstant fiduċja fihom.

Ninsab konvinta li ż-żgħażagħ dan jifhmuh kif wara kollox tirrikonoxxi d-dritt tal-vot il-maġġoranza assoluta tal-poplu meta twieġeb bi ħġarhameta tintalab biex teżerċita d-dritt tal-vot. Meta naraw  persentaġġi għoljin fejn jirrigwarda primarjament elezzjonijiet ġenerali għandna nħossuna kburin u mhux l-oppost. Dan jirrifletti t-tħaddim tad-demokrazija fl-aqwa tagħha u sens ċiviku li għandu l-elettoratMalti li jirrikonoxxi li l-vot hu dritt, kif ukoll dover. Ikun gwaj meta poplu jiddeċiedi li jinjora dan id-dritt. Aħseb ftit u ara xi żball tkun qed tagħmel meta qed tinjora dan id-dover.

Ħares issa min-naħa l-oħra u ara x’fiduċja qed tkun espressa fiż-żgħażagħ tagħna meta qegħdin jingħataw dritt bħal dan mal-età ta’ 16-il sena. Huwa ż-żmien li jrid jagħtina parir dwar kemm iż-żgħażagħ tagħna se jkunu “rikonoxxenti” għall-fiduċja li qed tintwera fihom.

Sadattant iż-żgħażagħ tagħna se jkomplu jkunu l-għira ta’ żgħażagħ minn pajjiżi ferm u ferm ikbar minna fejn mhux biss m’għandhomx id-dritt li jagħżlu lil min imexxi lill-pajjiż imma lanqas biss joħolmu li jkollhom dak li għandhom iż-żgħażagħ tagħna partikolarment fil-qasam edukattiv. Lanqas biss joħolmu li jkollhom l-edukazzjoni b’xejn minn livell ta’ kindergarten sa dak terzjarju. Lanqas biss jgħaddilhom minn moħħhom li jkollhom l-istipendji. Lanqas biss joħolmu li ma jħallsux għall-eżamijiet.

Bid-dritt tal-vot mal-età ta’ 16-il sena ż-żgħażagħ tagħna se jkunu qegħdin jagħmlu pass ieħor ‘il quddiem ferm qabel żgħażagħ ta’ pajjiżi oħrajn. Iż-żgħażagħ tagħna se jerġgħu jservu bħala punt ta’ referenza.

Iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur ta´ pajjiżna. Il-vot ma ngħatax lit-tfal! Ingħata bħala investiment għaqli f´ġenerazzjoni li se tkompli tmexxina ‘l  quddiem.

Il-KullĦadd 18.02.18

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *