Il-kumitat għas-suq internt tal-Parlament Ewropew (IMCO) illum approva b’maġġoranza assoluta r-rapport leġiżlattiv ta’ Marlene Mizzi dwar il-ħolqien tal-ewwel single digital gateway Ewropea li tgħin liċ-ċittadini u n-negozji b’inqas burokrazija online u biex isibu l-informazzjoni amministrattiva meħtieġa jkunu fejn ikunu fl-UE. Il-kumitat ta wkoll l-approvazzjoni tiegħu lill-MPE Marlene Mizzi biex tibda u tmexxi lill-Parlament Ewropew fin-negozjati tiegħu mal-Ministri tal-UE biex jintlaħaq ftehim dwar il-liġi finali. Il-mandat kien approvat bi 32 vot favur (91.4%), 3 kontra, u l-ebda astensjoni.

Il-gateway se tgħin lin-nies jinteraġġixxu mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri billi tipprovdilhom aċċess online għall-aktar proċeduri amministrattivi importanti u użati. Permezz tal-gateway iċ-ċittadini u l-kumpaniji bbażati fi Stat Membru ieħor, imma anke għal dawk li joqogħdu d-dar, ikunu jistgħu jitolbu għaċ-ċertifikat tat-twelid, jirreġistraw il-karozzi, jiddikjaraw it-taxxi, jirreġistraw f’universitajiet pubbliċi u ħafna aktar online.

Ir-rapporteur dwar il-proposta leġiżlattiva, l-MPE Marlene Mizzi qalet: “Il-persuni u n-negozji ta’ spiss ma jkunux infurmati biżżejjed u għadhom jiffaċċjaw diffikultajiet serji biex jaċċessaw u jifhmu t-tagħrif amministrattiv u l-proċeduri meħtieġa għan-negozji tagħhom, biex jivvjaġġaw jew biex jaħdmu f’pajjiż ieħor. Minflok insibu assistenza online, kemm-il darba naħlu ħin prezzjuż u flus f’burokrazija żejda, b’informazzjoni u proċeduri li ta’ spiss ikunu mxerrdin, mhux kompluti u mhux trasparenti. Iċ-ċittadini u n-negozji mhux se jkollhom jispiċċaw iduru għadd ta’ websites biex forsi jsibu l-informazzjoni li jkollhom bżonn.”

“Biex is-suq uniku diġitali jkun suċċess huwa ta’ importanza assoluta li jkun hemm aċċess faċli għal informazzjoni, proċeduri amministrattivi u servizzi għas-soluzzjonijiet tal-problemi online u ta’ kwalità. Ir-regoli l-ġodda se jagħmluha aktar sempliċi għaċ-ċittadini u n-negozji biex jimmaniġġjaw il-paperwork tagħhom online permezz ta’ punt tad-dħul waħdieni. Servizz bħal dan huwa importanti meta tibda negozju, taċċessa l-finanzi u r-regoli ta’ tassazzjoni, taċċessa d-drittijiet tal-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali, kif ukoll informazzjoni jew proċeduri oħrajn li jkollhom bżonn jaċċessaw iċ-ċittadini għall-attivitajiet transkonfinali tagħhom. Se jipprovdi wkoll aċċess għall-assistenza u servizzi biex jissolvew il-problemi  f’każ fejn tkun meħtieġa aktar għajnuna,” qalet l-MPE Mizzi.

L-MPE Mizzi qalet: “Illum, il-Kumitat IMCO laħaq stadju importanti lejn id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u pass ieħor biex is-suq uniku diġitali jsir realtà. Dan huwa pass ewlieni biex ikollna servizzi pubbliċi diġitali risponsivi, inklussivi, bla fruntieri u user-friendly għaċ-ċittadini u n-negozji jkunu fejn ikunu fl-UE.”

_____

 

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *