L-MPE Marlene Mizzi vvotat kontra r-riżoluzzjoni approvata mill-Parlament Ewropew li titlob għar-reviżjoni tal-qlib tas-siegħa minħabba benefiċċji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem. Dan jista’ jfisser il-bidu tat-tmiem tal-ħin tas-sajf u li mmexxu l-arloġġ darbtejn fis-sena fi tmiem Marzu u Ottubru.

Ir-riżoluzzjoni ġiet addottata bi 384 vot favur, 153 kontra u 12-il astensjoni. L-MPE Maltija Marlene Mizzi kienet waħda mill-Membri tal-PE li vvotat kontra r-riżoluzzjoni – li qiegħda titlob li l-arloġġ ma jibqax jitmexxa darbtejn fis-sena fuq livell ta’ UE. “Jiena favur li jibqa’ l-qlib tas-siegħa fis-sajf u fix-xitwa. Id-direttiva dwar l-arranġamenti tal-ħin tas-sajf, li bdiet titħaddem fl-2001, tipprovdi data u ħin għall-bidu u t-tmiem tal-ħin tas-sajf fl-UE kollha, bil-għan li ngħinu s-suq intern biex jaħdem b’mod effettiv. Fuq kollox, il-ħin tas-sajf huwa mod addizzjonali biex niffrankaw l-enerġija waqt ix-xhur imdawlin tas-sajf,” qalet l-MPE Mizzi.

Ir-riżoluzzjoni tgħid li bosta studji xjentifiċi wrew li jeżistu effetti negattivi fuq saħħet il-bniedem minħabba l-ħin tas-sajf. Għadd ta’ inizjattivi taċ-ċittadini wkoll emfasizzaw it-tħassib tagħhom. F’Jannar il-Finandja talbet li l-qlib tas-siegħa tiġi abolita fl-UE kollha wara petizzjoni ffirmata minn aktar minn 70,000 ċittadin li talbu lill-istat biex iwaqqaf din il-prattika.

Ir-riżoluzzjoni tgħid ukoll li huwa kruċjali li jinżamm reġim tal-ħin tal-UE unifikat u titlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-arranġamenti tal-ħin tas-sajf u, jekk neċessarju, tressaq proposta għar-reviżjoni tagħha.

Il-liġi tal-UE preżenti tistipula data komuni fir-rebbiegħa u l-ħarifa meta l-arloġġ irid jitmexxa siegħa ‘l quddiem u siegħa lura fit-28 stat membru.

Jeżistu opinjonijiet kemm favur kif ukoll kontra l-benefiċċji ta’ din is-sistema madwar id-dinja u fl-UE.

Kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni biex tiġi rranġata l-liġi Ewropea dwar l-arranġamenti tal-ħin tas-sajf xorta waħda trid tiġi approvata mill-maġġoranza tal-gvernijiet u l-Parlament nazzjonali – proċess li jista’ jdum aktar minn sena.

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *