Bħala rikonoxximent tal-kontribut enormi li qed jagħti lis-soċjetà, il-Membri tal-Parlament Ewropej Marlene Mizzi u Miriam Dalli nnominaw lil Bjorn Formosa, li jbati mill-marda tal-ALS, għall-Premju taċ-Ċittadin Ewropew.

Din in-nomina hija bbażata fuq l-altruwiżmu, il-kuraġġ u d-determinazzjoni ta’ Bjorn biex iħalli legat li joffri appoġġ lil persuni oħrajn li jbatu mill-ALS.

Fi stqarrija konġunta, il-Membri tal-PE Mizzi u Dalli ddeskrivew lil Bjorn bħala eroj Malti.

“Bjorn qed jibdel l-uġigħ u t-tbatija tiegħu f’opportunità biex jgħin lill-oħrajn. U għalhekk għandu jiġi rikonoxxut u onorat,” qalu l-Membri tal-PE.

L-ALS hija marda kronika terminali li normalment toqtol lill-pazjenti fi żmien tlieta jew erba’ snin. Hija twassal għall-mewt tan-newroni li jikkontrollaw il-muskoli volontarji u hija kkaratterizzata minn muskoli ebsin, spażmi fil-muskoli, u għejja li tmur għall-agħar għax il-muskoli jibdew jonqsu fid-daqs. Dan iwassal għaldiffikultà biex titkellem, tibla’ u problemi oħrajn marbutin mal-mobilità.

Bjorn ġie ddjanjostikat bl-ALS meta kellu biss 28sena. Minflok ma qata’ qalbu, huwa għażelli jiddedika ħinu biex jistabbilixxi l-ALS Malta u Dar Bjorn, dar għal dawk kollha ddjanjostikati bl-ALS, l-MS u n-newro-pazjenti.

Bjorn qed jisponsorja wkoll programm ta’ riċerka għad-dottorat biex tiżdied il-kompetenza u r-riċerka f’dan il-qasam. Il-fondazzjoni għandha l-għan li tqajjem kuxjenza, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti u tippromwovi r-riċerka.

“Bjorn wera xi jfisser tassew li taħseb f’ħaddieħor u x’inhuma s-sens ċiviku, il-ġenerożità u l-altruwiżmu. Bjorn huwa ta’ ispirazzjoni għalina lkoll. Aħna nemmnu li jixraqlu jiġi onorat bil-Premju taċ-Ċittadin Ewropew, ” qalu l-MEPs Marlene Mizzi u Miriam Dalli.

Ta’ kull sena, il-Parlament Ewropew jagħti l-Premju taċ-Ċittadin Ewropew liċ-ċittadini, gruppi, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet permezz ta’ kisbiet jew impenji eċċezzjonali għall-ġid tas-soċjetà f’oqsma differenti. Kull Membru tal-Parlament Ewropew għandu d-dritt jinnomina persuna jew organizzazzjoni waħda għall-premju. Ir-rebbieħa se jitħabbru u jingħataw il-premju fiċ-ċerimonja tal-Premju taċ-Ċittadini Ewropej f’Ottubru.

__

 

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *