Bħal-lum ġimgħa l-poplu Taljan kien għaddej b’Elezzjoni Ġenerali li r-riżultat tagħha llum huwa magħruf. Aktar milli huwa magħruf ir-riżultat bħala riżultat, hija magħrufa wkoll il-konsegwenza tar-riżultat. L-Italja spiċċat f’sitwazzjoni instabbli u mhux tant faċli tissolva l-problema. L-Italja qiegħda f’pożizzjoni li mhux faċli jkun iffurmat Gvern biex imexxiha. Problema li tolqot ukoll lill-Unjoni Ewropea li kienet għadha qiegħda tesperjenza sitwazzjoni simili  bir-riżultat tal-Elezzjoni fil-Ġermanja li wkoll ħalliet riżultat li litteralment iġġamja lill-pajjiż. U meta qegħdin nitkellmu dwar il-Ġermanja u dwar l-Italja qegħdin nitkellmu dwar żewġ ġganti fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Sadattant f’pajjiżna, fl-istess tmiem il-ġimgħa spikka stħarriġ tal-opinjoni pubblika tal-ġurnal MaltaToday dwar il-mexxejja tal-partiti politiċi kif ukoll dwar il-partiti nfushom. Stħarriġ li kien qed isir wara ftit aktar minn sitt xhur minn l-aħħar Elezzjoni Ġenerali kif ukoll wara bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ wera li hemm qabża enormi bejn il-fiduċja li jgawdi l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-fiduċja li jgawdi l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Qabża oħra impressjonanti favur il-Partit Laburista hija dik bejn iż-żewġ partiti. Distakki sinifikanti u ċari daqs il-kristall.

Kuntrarjament għal dak li ġara fil-Ġermanja u issa fl-Italja r-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali tagħna f’Ġunju li għadda kkonferma l-istabilità li jgawdi l-pajjiż. Ma’ dan wieħed irid iżid ukoll ir-rapporti dwar Malta kif maħruġin mill-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali Moody’s, Standard & Poor’s, Fitch u DBRS. Rapporti inkoraġġanti li wrew progress konsistenti fejn jidħlu finanzi u ekonomija tal-pajjiż. Kollu riżultat ta’ stabilità politika fil-pajjiż. Stabilità maħluqa minn tmexxija effiċjenti.

Madankollu dawn id-distakki kbar bejn iż-żewġ naħat għandhom il-‘periklu’ tagħhom ukoll. ‘Periklu’ fis-sens li jista’ jkun hemm laxkar, kunfidenza u ‘serħan il-moħħ’ xejn ideali, fis-sens li tista’ tnaqqas mir-ritmu ta’ ħidmietek. M’iniex ngħid li qiegħed isir hekk, qiegħda biss ngħid dak li jista’ jissuċċiedi.

Hija sitwazzjoni li fil-verità qiegħda tgħabbi lill-Gvern b’piż doppju. Jingħad x’jingħad l-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija waħda dgħajfa għall-aħħar. Dgħajfa mhux biss kawża tar-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet imma wkoll kawża tal-kunflitti interni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Il-verità hi li l-Partit Nazzjonalista għadu ma sabx saqajh wara d-disfatta ta’ Ġunju li għadda, it-tieni waħda konsekuttiva u b’marġni akbar minn dik ta’ qabilha.

Il-Gvern m’għandux iħalli din is-sitwazzjoni tilludih għax dan la jkun fl-interess tal-Gvern bħala tali u lanqas fl-interess tal-pajjiż. L-interess tal-pajjiż jitlob li jkun hemm Oppożizzjoni adekwata, li tibdel it-triq li kellha dik preċedenti u minn waħda negattiva għal kollox tkun waħda kostruttiva. Li tikkritika bil-mod li għandha tikkritika u li toffri alternattivi. Ma jagħmilx sens li tikkritika biex sempliċiment ma taqbilx mal-Gvern.

Sfortunatament, almenu s’issa, ftit jidher li se jkun hemm bidla fl-attitudni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista minn kif kienet taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil. U dan mhux biss fuq livell lokali imma wkoll fuq livell ta’ Parlament Ewropew. Dak li qegħdin nassistu għalih fil-Parlament Ewropew min-naħa tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti ma jawgura litteralment xejn. Rari jkun hemm interventi min-naħa tagħhom li bihom jista’ jkun aġevolat il-pajjiż. Qiegħed jiġri eżattament l-oppost. Konvinta li dan li qiegħda ngħid tinsabu konxji tiegħu.

Minkejja kollox, minkejja kull attentat iddisprat biex jitħammeġ isem pajjiżna, huwa ta’ sodisfazzjon tara lil pajjiżi ferm u ferm akbar minna jħarsu lejn pajjiżna b’ċerta ammirazzjoni. Huwa ta’ sodisfazzjon li bħala Malti u Maltija tkun f’pożizzjoni li tqabbel dak li qiegħed jikseb iċ-ċittadin Malti ma’ dak li qegħdin jiksbu ċittadini ta’ pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea. Tħossok sodisfatta tara l-istatistiċi li jinħarġu minn entitajiet tal-Unjoni Ewropea u tara x’pożizzjoni titpoġġa fiha Malta pparagunata ma’ pajjiżi ferm akbar minnha.

Biżżejjed iżżomm quddiem għajnejk b’liema mod kienet tħares lejn Malta l-Kummissjoni Ewropea sal-bidu tas-sena 2013 u b’liema mod tħares lejha llum. Sal-bidu tas-sena 2013 pajjiżna ma kienx fdat mill-Kummissjoni Ewropea sempliċiment minħabba l-fatt li minkejja kull wegħda min-naħa ta’ Gvern Nazzjonalista dak imwiegħed kien jibqa’ biss wegħda li ma timmaterjalizzax. Kien għalhekk li għal aktar minn darba Malta ddaħħlet fi proċedura ta’ deficit eċċessiv. Kien kawża ta’ ċirkostanzi bħal dawn li ma kienx faċli tinkiseb lura fiduċja f’pajjiżna.

Illum is-sitwazzjoni, wara biss ftit aktar minn erba’ snin, hija totalment l-oppost. Malta hija meqjusa bħala pajjiż li wieħed għandu jħares lejh biex jara kif irnexxielu jbiddel kompletament ir-rotta fl-interess mhux biss tal-poplu Malti u Għawdxi imma wkoll fl-interess tal-Unjoni Ewropea. Pajjiżna llum qiegħed jikkontribwixxi ferm u ferm aktar minn dak li kien mistenni minnu. Pajjiżna llum qiegħed iservi ta’ eżempju ta’ suċċess. X’differenza!

Ejjew ilkoll nibżgħu għal, u ejjew ngħożżu u nibqgħu naħdmu f’din id-direzzjoni.

Il-KullĦadd 11.03.18

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *