Kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija li ftit tal-ġimgħat ilu ġejt iddikjarata bħala l-Membru Parlamentari Ewropew (MEP) tas-Sena b’rikonoxximent għal ħidmieti fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO).  Apparti l-element ta’ sodisfazzjon u kburija personali hemm l-element nazzjonali, li Membru Parlamentari Ewropew minn pajjiż żgħir bħal Malta jikseb dan ir-rikonoxximent.

Il-Premju tal-MEP tas-Sena hu organizzat mill-Parliament Magazine – ġurnal li jikkonċentra fuq dak li jiġri fil-PE u fuq ix-xogħol tal-Membri tal-Parlament Ewropew. Il-ġurija hi minn barra l-PE u għalhekk oġġettiva u imparzjali u li tiġġudika biss il-kwalità u l-impatt  tax-xogħol tal-MEPs, mingħajr ma tħares lejn l-uċuħ jew lejn il-pajjiżi minn fejn ikunu ġejjin dawk innominati.

Forsi din hija okkażjoni tajba biex nispjega ftit, bi prudenza u umiltà, x’wassal għal dan. Se nagħmel dan bi skop biss li nwassal informazzjoni, mhux bi ftaħir.

Il-Parlament Ewropew għandu diversi kumitati, fosthom dak għas-Suq Intern u Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO). Dan il-kumitat kien ħatarni bħala l-Kap Negozjatur tiegħu fuq diversi dossiers tas-Suq Uniku Diġitali. Kont involuta qatigħ fl-abbozzar u fl-iffinalizzar tal-leġiżlazzjoni u t-tneħħija tat-tariffi tar-roaming – leġiżlazzjoni li hi meqjusa bħala waħda mill-akbar kisbiet tal-UE favur il-konsumatur – kif ukoll fuq kwistjonijiet importanti oħra bħalma huma n-newtralità tan-net u r-rapport tal-iStandards Ewropej fis-seklu 21.

Kien ukoll ta’ sodisfazzjon kbir għalija meta riċentament l-IMCO approva b’maġġoranza assoluta r-rapport leġiżlattiv li ħejjejt dwar il-ħolqien tal-ewwel Single Digital Gateway Ewropea. Din hija miżura li se tgħin liċ-ċittadini u n-negozji b’inqas burokrazija online u biex isibu l-informazzjoni amministrattiva meħtieġa fuq kull Stat Membru ieħor.

Sodisfazzjon li kompla kiber bl-approvazzjoni tal-istess kumitat, l-IMCO, biex nirrappreżenta l-Parlament Ewropew fin-negozjati  mal-Kunsill tal-Ministri tal- u mal-Kummissjoni – dawk li jissejħu trilogues – bil-għan li naslu għal ftehim dwar il-liġi finali.

Is-Single Digital Gateway se tgħin lin-nies jinteraġġixxu mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra kollha billi tipprovdilhom aċċess online għall-aktar proċeduri amministrattivi importanti u użati. Permezz tal-Gateway iċ-ċittadini u l-kumpaniji bbażati fi Stat Membru ieħor, imma anke għal dawk li joqogħdu f’pajjiżhom, ikunu jistgħu jitolbu għal ċertifikat tat-twelid, jirreġistraw il-karozzi, jiddikjaraw it-taxxi, jirreġistraw f’universitajiet pubbliċi u ħafna aktar informazzjoni importanti online. Din id-Digital Gateway  hi partikolarment importanti għal kull min jixtieq jaħdem, jistudja jew imur jgħix fi Stat Membru ieħor.

Id-dinja qiegħda tinbidel b’pass mgħaġġel. Ir-rivoluzzjoni diġitali toffri opportunitajiet kbar liċ-ċittadini u lin-negozji iżda toffri wkoll sfidi qawwijin. Irridu nassiguraw li d-dinja diġitali li qegħdin ngħixu fiha tkun aktar xierqa, ġusta u sostenibbli, filwaqt li tipprovdi opportunitajiet indaqs lil kulħadd.

Minflok insibu għajnuna online, kemm-il darba naħlu ħin prezzjuż u flus f’burokrazija żejda, b’informazzjoni u proċeduri li ta’ spiss ikunu mferrxa, mhux kompluti u mhux trasparenti. Bis-Single Digital Gateway iċ-ċittadini u n-negozji mhux se jkollhom jispiċċaw iduru għadd ta’ websites biex forsi jsibu l-informazzjoni li jkollhom bżonn … u ħafna drabi jkollhom jieqfu fin-nofs għax ma sabux tarf il-proċeduri u jaqtgħu qalbhom iħabbtu rashom mal-burokrazija.

Huwa ovvju u loġiku li biex is-Suq Uniku Diġitali jkun suċċess, huwa ta’ importanza assoluta li jkun hemm aċċess faċli għal informazzjoni, proċeduri amministrattivi u servizzi għas-soluzzjonijiet tal-problemi online u ta’ kwalità.

Ninsab konvinta li r-regoli l-ġodda se jagħmluha aktar sempliċi, aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji biex jikkontrollaw u jħaddmu l-paperwork tagħhom online permezz ta’ punt tad-dħul waħdieni.

Servizz bħal dan huwa importanti meta tibda negozju, biex ikollok aċċess għall-finanzi u r-regoli ta’ tassazzjoni, aċċess għad-drittijiet tal-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali kif ukoll informazzjoni jew proċeduri oħrajn li jkollhom bżonn jidħlu fihom iċ-ċittadini għall-attivitajiet transkonfinali tagħhom. Se jkun provdut ukoll aċċess għall-għajnuna u għas-servizzi biex jissolvew il-problemi f’każi fejn ikun hemm diffikultajiet.

Sadattant qiegħda naħdem fuq żewġ proġetti leġiżlattivi kbar. Permezz ta’ proġett minnhom se nkunu qegħdin nimmodernizzaw ir-regoli tal-komunikazzjoni Ewropej u bl-ieħor se tkun qiegħda tiġi diġitalizzata l-amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

Dan filwaqt li bħala n-negozjatur f’isem il-Grupp tal-Parlamentari Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej (S&D) għaddejja b’battalja kontinwa biex jissaħħu d-drittijiet tal-konsumatur u tittejjeb il-kundizzjoni għal persuni b’diżabilità. Mira oħra tiegħi hija li jkun ipprovdut bi dritt universali servizz ta’ internet bażiku u li jiflaħ iħallsu kulħadd. Irridu wkoll nirfinaw in-numru ta’ emerġenza 112 li diġà jeżisti.

Lura lejn dak li bdejt bih din il-kitba: il-premju Membru Parlamentari Ewropew tas-Sena. Dan l-unur ikompli jitfa’ fuqi responsabbiltà li ma tistax tittieħed b’mod ħafif. Pubblikament nerġa’ nwiegħed li se nkompli naħdem kemm niflaħ b’risq iċ-ċittadini, konsumaturi u negozji fl-Ewropa b’aktar determinazzjoni. Fuq kollox din kienet il-wegħda elettorali tiegħi – “Hemm Għalik”– wegħda li jien żammejt u se nkompli nżomm.

Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lil dawk kollha li kkomunikaw miegħi b’kull mezz biex qasmu miegħi l-ferħ għall-unur ta’ Membru Parlamentari Ewropew tas-Sena 2018. Grazzi mill-qalb.

KullĦadd 08.04.18

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *