“Huwa ta’ importanza kbira li ċ-ċittadini jkunu infurmati tajjeb dwar l-Unjoni Ewropea u l-funzjonijiet tagħha. Nuqqas ta’ għarfien u informazzjoni jista’ faċilment jirriżulta f’nuqqas ta’ fiduċja. Għalhekk nilqa’ din is-sessjoni li qiegħda tagħti lil żgħażagħ u studenti Għawdxin pjattaforma biex iwasslu t-tħassib tagħhom,” qalet l-MPE Marlene Mizzi fl-avveniment Ask Your MEP li ttella’ f’Għawdex.

Marlene Mizzi kienet mistiedna mill-Europe Direct Information Centre ta’ Għawdex (EDIC) bħala waħda mill-kelliema ewlenija fl-avveniment fl-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ tar-Rabat Għawdex bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

L-għan tal-avveniment kien li jagħti l-opportunità lil żgħażagħ u studenti Għawdxin biex jinfurmaw ruħhom u jwasslu t-tħassib tagħhom dwar il-kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea u biex jifhmu aħjar il-Parlament Ewropew u l-UE fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa – li l-parti l-kbira ta’ ħajjithom qattgħuha f’pajjiż imsieħeb fl-UE u li ma jiftakrux iż-żmien qabel.

Fl-intervent tagħha, il-MEP Mizzi ffokat fuq l-importanza li tingħata attenzjoni lill-vuċi taċ-ċittadini Ewropej fil-Parlament Ewropew u wissiet li n-nuqqas ta’dan jista’ jwassal għal defiċit demokratiku serju fi ħdan l-UE. “Għandna bżonn nersqu lejn iċ-ċittadini u nsaħħu l-komunikazzjoni tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-UE,” qalet Marlene Mizzi.

Il-MPE Marlene Mizzi qalet li bħala Viċi-President tal-Kumitat PETI, hija temmen bis-sħiħ li l-Parlament Ewropew jeħtieġ li jqajjem għarfien dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, inkluż id-dritt li jissottometti petizzjonijiet lill-Parlament Ewropew.

“Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jagħti s-setgħa liċ-ċittadini tal-UE bid-dritt li jressqu kwistjonijiet li huma importanti għalihom fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom lill-Parlament tal-UE u biex it-tħassib tagħhom jiġi indirizzat b’mod speċifiku mill-MEPs u mill-Parlament,” qalet Marlene Mizzi.

L-MPE Mizzi tkellmet dwar mekkaniżmi istituzzjonali oħra bħall-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u l-Gateway Diġitali Unika. “L-element ewlieni f’dawn il-mekkaniżmi huwa li jippermetti li l-vuċi taċ-ċittadini tinstema’ mill-istituzzjonijiet tal-UE u tinkoraġġixxi demokrazija parteċipattiva akbar,” qalet l-MPE Maltija.

“Kont rapporteur għall-S&D fuq bosta rapporti differenti li jittrattaw għodod ta’ soluzzjoni transkonfinali, bħall-Ombudsman Ewropew, ir-reviżjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini u l-Gateway Diġitali Uniku. Nemmen li ż-żieda fl-għarfien u l-komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE hija l-unika triq ‘il quddiem għal Unjoni b’saħħitha u li taħdem aħjar,” temmet tgħid l-MPE Mizzi.

___

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *