Nhar l-Ewwel ta’ Mejju li għadda l-eluf kbar ta’ nies li wieġbu għas-sejħa tal-Partit Laburista u attendew għall-attività organizzata mill-Partit fi Pjazza Tritoni semgħu lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat iħabbar proġett bla preċedent fejn jirrigwarda housing soċjali. Proġett ta’ €50 miljun li se jfissru aktar minn 1,000 unit għal min verament ma jistax jasal waħdu f’dan il-qasam.

Qabel ma nidħol fil-proġett innifsu xtaqt nuri d-differenza li tispikka bejn amministrazzjoni Laburista u amministrazzjoni Nazzjonalista. Qed nirreferi għall-fatt li l-proġett fih innifsu juri li l-Gvern qiegħed jirrikonoxxi li f’dan il-qasam hemm problema. Problema mhux żgħira, li bħal diversi problemi oħrajn Gvern Nazzjonalista kien waddab taħt it-tapit u allura għalih ma kinetx teżisti. Hekk kienu għamlu wkoll fejn jirrigwarda l-faqar. Niftakruh lill-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi jgħid li l-faqar kien perċezzjoni. Li l-faqar kien f’moħħ biss dawk li kienu qegħdin jitkellmu dwaru.

U la darba ma tirrikonoxxix li hemm problema tali problema mhux se tiġġilidha għax ma teżistix.

U la l-problema ma teżistix, m’hemmx bżonn tfittex soluzzjoni.U min kien fqir masabxkennfi Gvern Nazzjonalista, għaxli ma tlaħħaqx mal-ħajja utgħix bla dinjità li jagħtuk l-aktar affarijiet bażiċi, li tfal neqsin minn kollox, ukoll mil-lunch tal-iskola, li familja tgħix f’kamra waħda umda u nieqsa minn kolloxkienet biss perċezzjoni!

Il-faqar u l-bżonn ta’ housing soċjali jikkumplimentaw lil xulxin. Ma neħodhiex bi kbira li joħroġ xiħadd min-naħa l-oħra tal-ispektrum politiku jgħid li l-problema tal-housing soċjali tfaċċat tul dawn l-aħħar ħames snin, taħt Gvern Laburista. Il-verità hi li din hija problema li ilha tkarkar magħna s-snin u se jkun Gvern Laburista li se jkun qiegħed jidħlilha bir-ras. Lanqas nistagħġeb li jkun hemm xi ħadd jgħid li dan il-proġett hu biss aljenazzjoni minn problemi oħra.Ma nistagħġibx li hemm min ma jiħux gost jara l-poplu jistagħna taħt it-tmun ta’ Gvern Laburista.Illum ma nistagħġeb b’xejn meta ġej mill-Oppożizzjoni.

Huwa fatt magħruf u li bħala poplu għandna biex niftaħru bih, li l-maġġoranza kbira tal-Maltin u Għawdxin huma sidien ta’ djarhom. Daqstant ieħor huwa fatt li għandna faxxa tal-popolazzjoni li tgħix fil-kera, li wkoll qed tittrasforma ruħha fi problema, u oħrajn li l-unika tama għalihom huwa l-istat, għalhekk il-housing soċjali.

Kif stqarr il-Prim Ministru nhar il-Ħadd li għadda waqt attività politika f’Ħad-Dingli, ħadd m’għandu jippretendi li jkun il-privat li jipprovdi saqaf fuq ras dawk li la jistgħu jixtru r-residenza tagħhom u lanqas jistgħu jidħlu għal kirjiet li r-rata tas-suq issa qed tirrendihom pjuttost għoljin. Huwa dmir l-Istat li jara li kull ċittadin tiegħu jkollu saqaf diċenti fuq rasu. Anke jekk jibqa’ l-punt li ċ-ċittadin min-naħa tiegħu jrid jgħin lilu nnifsu u ma jibqax jaħseb biss kif se jieħu mill-Istat dak kollu li joħlom bih.

Imma s-sitwazzjoni hija dik li hi. Minkejja l-progress indiskutibbli li sar fejn jirrigwarda ħolqien ta’ xogħol u opportunitajiet, fejn min verament irid jaħdem jista’ jagħmel dan, xorta għandna min hu fil-problema fejn jikkonċerna l-qasam tal-housing.

Jingħad x’jingħad ir-realtà tibqa’ li minkejja kull rieda li jkollok ma tistax tqassam minn dak li m’għandikx. Kienet għalhekk kwistjoni ta’ prijorità t-tisħiħ tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Ma tistax tgħin kemm tixtieq la darba ma jkollokx ekonomija soda. Ma tistax tqassam minn kejk li ma jkollokx.

Trid tkun l-abjad issejjaħlu iswed biex ma tammettix li l-pajjiż kellu problemi ekonomiċi u finanzjarji bil-Kummissjoni Ewropea b’għajnejn ta’ seqer fuqna kull meta jkun se jitressaq il-baġit tal-pajjiż. Kellu kollox jaqa’ lura taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti la darba pajjiż kienu litteralment faqqruh. Konna għal aktar minn darba taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv(excessive deficit procedure) imponut mill-Unjoni Ewropea. Konna aktar minn darba taħt l-iskrutinju. Kienet aktar minn darba li Gvern Nazzjonalista kellu jirrevedi l-baġit għax ma kienx aċċettabbli għall-Kummissjoni Ewropea. Konna pajjiż fallut. Illum pajjiż sinjur, li jista’ jroxx il-ġid lejn min għandu bżonn.

Għalhekk id-differenza bejn amministrazzjoni u oħra. Għax filwaqt li amministrazzjoni Nazzjonalista kienet titfa’ taħt it-tapit il-problemi għax finanzjarjament ma kienx possibbli tattakkahom, amministrazzjoni Laburista l-ewwel saħħet l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż, imbagħad bdiet tqassam il-frott ta’ tali ħidma.

Bħal f’kull ħaġ’oħra, se ssib min jabbuża. Imma anke hawn tispikka d-differenza bejn amministrazzjoni u oħra. Il-Prim Ministru Joseph Muscat għamilha ċara daqs il-kristall li seta’ kien hemm, għad hemm u jipprova jerġa’ jkun hemm min jittanta japprofitta ruħu, imma se jsib l-iebes.

Il-housing soċjali huwa speċifikament għal min jeħtieġu. Imma mhux biss. Min illum jeħtieġ il-housing soċjali se jkun mgħejjun b’kull mod biex joħroġ lil u nnifsu minn sitwazzjoni bħal din. Biex din il-problema ma tibqax miegħu għomru kollu. Il-proġett ta’ €50 miljun f’housing soċjali se jkun ħolqa oħra fil-kullana ta’ miżuri li Gvern Laburista dejjem ħa fl-interess ta’ min ikun l-aktar batut.

Il-poplu Malti mhux ċuċ kif kienu jaħsbuh u jagħmluh! Jaf biżżejjed min hu mehdi biex ikisser lil pajjiżu, u min mehdi jkisser il-faqaru joħloq il-ġid.

KullĦadd 13.05.18

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *