Din il-ġimgħa l-Kumitat tal-Petizzjonijiet ġewwa l-Parlament Ewropew approva unimament ir-regoli ġodda għar-reviżjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Matul din ir-reviżjoni ttieħed vot li huwa meqjus bħala vot kruċjali favur, pass li jagħti vuċi aktar b’saħħitha liċ-ċittadini f’dak li jikkonċerna l-liġi li qed titfassal.

L-MPE Marlene Mizzi fir-rwol tagħha ta’ Viċi-President tal-Kumitat PETI kif ukoll bħala kelliema tal-grupp SnD fuq dan is-suġġett qalet li “huwa ta’ sodisfazzjoni kbir li wieħed jara r-riżultati pożittivi li saru f’din l-opinjoni. Kien hemm qbil sostanzjali bejn il-gruppi politiċi kollha f’dak li jirrigwarda appoġġ għal emendi tiegħi bl-għan li jtejbu r-regoli kurrenti li jagħtu leħen liċ-ċittadini Ewropej meta jorganizzaw, jipparteċipaw jew sempliċiment juru l-appoġġ tagħhom għal dawk l-inzjattivi li jtellgħu ċittadini oħra. Ninsab kuntenta li kelli rwol ewlieni bħala shadow rapporteur  fit-tfassil u l-votazzjoni dwar din il-pożizzjoni b’saħħitha li se tkun qed tassigura li din l-inzjattiva tkun faċli kemm jista’ jkun għaċ-ċittadin Malti u dak Ewropew.”

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ġiet introdotta qabel it-Trattat ta’ Liżbona, bl-għan li żżid ir-rwol taċ-ċittadin f’dak li huwa l-proċess leġiżlattiv li bih tfassal il-liġi Ewropea. B’dan il-mod wieħed iħeġġeġ liċ-ċittadin biex jinfluwenza l-leġiżlazzjoni li tkun qiegħda tiġi mfassla. Huwa b’dispjaċir li wieħed jagħraf li din l-inizjattiva ma laħqitx mal-aspettattivi, u li kienet wara diversi talbiet miċ-ċittadini, il-Parlament Ewropew flimkien mal-Kummissjoni ħadmu biex jippubblikaw regoli ġodda f’Settembru 2017.

“Il-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni tista’ tkun waħda li ssolvi bosta problemi relevanti li qegħdin jillimitaw il-faċilità ta’ dan l-instrument. Xorta jibqa’ l-fatt li din il-proposta trid titfassal b’mod aktar ċar fejn jidħlu affarijiet fundamentali li huma essenzjali għas-suċċess ta’ din l-Inizjattiva taċ-Ċittadin Ewropej,” saħqet l-MPE Mizzi.

“L-għan primarju tiegħi bħala shadow rapporteur kien li nindirizzaw in-nuqqasijiet attwali biex finalment fiċ-ċittadini jkollhom poter daqs il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jipproponu inizjattivi ġodda u policies fil-livell Ewopej. Għalija din l-inizjattiva hija appell dirett lejn l-UE mill-poplu sabiex ikunu jistgħu jfasslu l-politika Ewropea tal-futur,” ikkummentat l-MPE Mizzi.

____

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *