Din is-sena inti ngħatajt l-unur tal-Membru Parlamentari Ewropew tas-Sena. Dan il-premju ngħata għall-kontribut tiegħek fil-qasam tas-suq uniku diġitali. Inti kont sħaqt li rridu niżguraw li d-dinja diġitali li qed ngħixu fiha tkun aktar xierqa, ġusta li tipprovdi opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Tista’ telabora fuq dan?

Huwa ta’ unur kbir li rbaħt dan il-premju prestiġjuż ta’ MPE tas-Sena, mhux biss għalija, iżda wkoll għal Malta. Kburija li n-nies emmnu u fdaw fija speċjalment għax ingħatajt il-premju għall-kontribut tiegħi fil-Kumitat tas Suq Intern u Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO).
Id-dinja qiegħda tinbidel il-ħin kollu. Ir-rivoluzzjoni diġitali toffri opportunitajiet kbar iżda wkoll sfidi qawwijin. Irridu nassiguraw li d-dinja diġitali tkun aktar xierqa, ġusta u sostenibbli, u tipprovdi opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Fis-soċjetà insibu bosta persuni vulnerabbli fosthom anzjani, nisa tqal u persuni b’diżabilità, u d-dinja diġitali trid tkun aċċessibbli għalihom ukoll.
Pereżempju l-aċċess għall-internet għandu jkun affordabbli għal kulħadd u ma nistgħux inħallu persuni li minħabba riżorsi finanzjarji limitati jispiċċaw esklużi soċjalment mid-dinja diġitali.
Jenħtieġu wkoll miżuri ġodda li jagħtu lill-anzjani u l-persuni bi bżonnijiet speċjali aċċess aħjar għas-servizzi pubbliċi, u siti u apps ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi, bħal sptarijiet, qrati u setturi pubbliċi oħrajn fuq l-internet.
Il-persuni b’diżabbiltà jistgħu jsibu l-problemi biex jidħlu fuq xi siti tal-internet li ma jinkludux test alternattiv għal stampi jew kitba li tiddeskrivi dak li jinstema’ fuq vidjow. Huwa importanti li nassiguraw li s-siti uffiċjali joffru aċċess vitali fil-bosta servizzi pubbliċi.
Aktar minn qatt qabel irridu regoli tajbin u pożittivi li bihom leġiżlazzjoni Ewropea tibdel ħajjet iċ-ċittadini u l-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom għall-aħjar.

 

Waħda mit-theddidiet ġejja mill-qasam diġitali hu s-cyberbullying fuq it-tfal. Jien tal-fehma li forsi l-Parlament Ewropew seta’ ħadem aktar fuq dan. Kif tħares lejn is-cyberbullying u x’taħseb li għandu jsir biex jiġi mrażżan?

L-ewwel nett huwa importanti ħafna li jkun hawn aktar għarfien dwar is-cyberbullying, l-abbuż tat-tfal online u reati ċibernetiċi oħrajn, biex inkunu nistgħu nipprevjenu u nilqgħu għalihom. Il-ġenituri u l-edukaturi jridu jkunu mgħarrfa sew dwar dan is-suġġett u jkollhom l-għarfien u l-għodod neċessarji biex, kemm jista’ jkun, iħarsu lit-tfal minn abbużi online.
F’April 2017 organizzajt konferenza dwar il-perikli diġitali bl-għan li jkun hawn aktar viġilanza u attenzjoni dwar il-perikli li nistgħu niltaqgħu magħhom online. Fil-konferenza pparteċipaw bosta kelliema u esperti ewlenin minn Malta u l-Unjoni Ewropea li ppreżentaw strateġiji ta’ prevenzjoni u intervent, u aġġornamenti leġiżlattivi.
Bħala kelliema tal-S&D u shadow rapporteur fuq l-opinjoni tal-kumitat CULT “Combating the sexual abuse and sexual exploitation of children and child pornography” nemmen li aħna l-politiċi fid-dover li niddefendu u nipproteġu lil uliendna, u nassiguraw li jgħixu f’ambjent bla perikli. It-teknoloġiji l-ġodda ġabu magħhom sfidi serji, fosthom il-bullying online, li qed iħalli miljuni ta’ vittmi speċjalment tfal vulnerabbli.
Fil-Parlament Ewropew qiegħda ninsisti li l-UE taddotta leġiżlazzjonijiet speċifiċi li jindirizzaw din il-kwistjoni tant serja. L-online bullying huwa forma ta’ vjolenza li tista’ twassal għal konsegwenzi gravi ħafna fuq it-tfal u għaldaqstant jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri meħtieġa bla dewmien għax il-vittmi qegħdin jiżdiedu ta’ kuljum.

 

Fix-xogħol tiegħek ta’ MEP kemm-il darba ddikjarat li l-migrazzjoni hija sintomu u mhux il-kawża, u jekk l-Ewropa mhux ser tindirizza l-kawża fl-oriġini tagħha, mhu se naslu mkien. Meta tara li llum għalkemm naqsu l-immigranti, l-imwiet xorta għadhom għojin ħafna, waqt li fil-Libja hemm eluf kbar ta’ immigrant li mal-iċken okkażjoni jaqbu d-dgħajsa lejn l-Ewropa, taħseb li l-UE m’għamlitx biżżejjed dwar dan il-qasam?

L-immigrant huwa persuna bid-dinjità u d-drittijiet kollha tagħha, u hija tal-mistħija li kemm-il darba l-imwiet tal-immigranti ma jingħatawx prominenza xierqa u kważi jitqiesu bħala children of a lesser god. Fil-fatt naħtaf l-opportunità biex ngħid prosit lit-Torċa li dejjem trattat din il-kwistjoni b’umanità u b’impenn biex dawn il-persuni ma jintesewx.
Ili insegwi mill-qrib il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u kont ukoll rapporteur dwar rapport li jirrigwarda s-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa għal approċċ ħolistiku Ewropew fuq l-immigrazzjoni.
Fil-Parlament Ewropew ili nisħaq għal snin twal li l-ħin għall-paroli għadda u li hemm bżonn li tiġi implimentata azzjoni sabiex tissolva l-problema tal-immigrazzjoni. Sfortunatament, b’diżappunt ngħid li din l-azzjoni għadha ma tteħditx.
Nemmen li l-fenomenu tal-immigrazzjoni mhux se jissolva sakemm ma tiġi indirizzata l-kawża oriġinali tiegħu, jiġifieri l-kunflitti u l-instabbilità fil-pajjiżi tal-immigranti. Trid tinstab soluzzjoni għall-kawża li qed tisforza lin-nies jaħarbu minn pajjiżhom, inkella nkunu qed nistiednu aktar problemi u mhux insolvuhom.
F’April ta’ din is-sena stess attendejt għal diskussjonijiet bejn il-Membri Parlamentari Ewropej u r-rappreżentati tal-pajjiżi ACP fejn tkellimna wkoll dwar l-immigrazzjoni. Hawn hekk tkellimt dwar il-miljuni ta’ flus li jingħataw f’fondi, li tikkontribwixxi l-UE lill-pajjiżi Afrikani.

Sħaqt li għandu jinżamm rendikont dettaljat ta’ kif qed jintefqu dawn il-fondi. Insistejt ukoll li biex nindirizzaw l-immigrazzjoni fil-pajjiżi Afrikani rridu nassiguraw li l-poplu jingħata kull opportunità biex ikollu l-għodda li tgħinu jibni futur. B’dan il-mod irridu naċċertaw li l-fondi tal-iżvilupp jiġu użati biex jinħoloq investiment u aktar xogħol.
Fuq kollox, l-Unjoni Ewropea trid tifhem li kull mewt ta’ immigrant hija falliment min-naħa tagħna l-Istati Membri li ma ħadniex azzjoni biżżejjed b’saħħitha u kuraġġjuża biex insalvaw u ngħinu lil dawn il-persuni vulnerabbli. Dawn nistgħu nevitawhom billi l-miljuni kbar li tagħti l-UE jintużaw biex jinbena futur xieraq lil dawn in-nies f’pajjiżhom stess. Hekk biss nistgħu nwaqqfu t-tsunami ta’ nies li qed jissograw ħajjithom biex ifittxu futur aħjar fl-Ewropa.

 

Waħda mil-libertajiet li ngawdu fl-Ewropa hi l-libertà tal-espressjoni. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek lejn il-każ ta’ Fr Mark Montebello, li twaqqaf milli jikteb, jikkummenta jew jagħti intervisti?

Il-libertà tal-espressjoni hija waħda mil-libertajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea. F’soċjetà fejn niftaħru kemm il-libertà tal-espressjoni hija sagra, fejn niftaħru kemm hija importanti l-kritika, fejn niftaħru li lesti niddefendu d-dritt għal opinjoni ta’ persuna anke jekk ma naqblux magħha, tistona ħafna s-sarima li tpoġġiet ma’ ħalq Fr Mark Montebello. Aktar u aktar meta ilna x-xhur sħaħ nassistu għal protesti u dimostrazzjonijiet li saru wkoll f’isem il-libertà tal-espressjoni.
Il-freedom of expression huwa dritt ta’ kulħadd u mhux esklussività għal xi wħud! Allura ma nistax nifhem kif l-istess persuni li ħabbtu fuq sidirhom u pprotestaw biex jiddefendu d-dritt tal-espressjoni ta’ xi ħadd, illum għalqu ħalqhom u lanqas biss lissnu kelma waħda dwar il-każ ta’ Fr Mark Montebello. Kif jista’ jkun li sal-bieraħ stess kont il-paladin tal-ġustizzja u d-drittijiet, u llum ma ħassejtx il-ħtieġa li tiddefendi dak li suppost huwa tant għażiż għalik?
Iċ-ċensura fid-dinja tal-lum m’hawnx lokha, sakemm ovvjament ma jkunx qed jintuża kliem ta’ mibegħda u ta’ theddid, li jmorru lil hinn mil-libertà tal-espressjoni. Illum kulħadd għandu d-dritt isemma’ leħnu, jikkritika fejn iħoss li għandu jikkritika, u jargumenta ma’ min ma jaqbilx miegħu. Ħafna drabi ninduna li mhux kulħadd fehem x’inhi l-libertà tal-espressjoni. Ħafna persuni jattakkaw lill-persuna u mhux lill-argument, tant li naraw dibattiti u argumenti li jispiċċaw fi xkora tgħajjir u insulti li ma jwasslu għal imkien.
Nittama li ma ndumux ma nerġgħu nibdew naraw l-opinjoni ta’ Fr Mark fuq it-Torċa, mingħajr kundizzjonijiet u restrizzjonijiet żejda li wkoll fihom infushom imorru kontra l-libertà tal-espressjoni.

 

Fil-25 ta’ Mejju ta’ sena oħra, se jsiru l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Marlene Mizzi se tkun fost il-kandidati li jikkontestaw?

Dħalt fil-politika meta Joseph Muscat, li kien għadu kemm laħaq mexxej tal-PL u stedinni biex nikkontesta l-elezzjonijiet tal-MEPs tal-2009. Il-PL kien għadu kemm tilef elezzjoni u kuntrarjament għal min beda jindieħes mal-PLlejlet l-elezzjonijiet tal-2013 – bil-probabbiltajiet kbar li tintrebaħ l-elezzjoni, kif fil fatt ġara – jien dħalt fil-politika ma’ partit li kien għadu kemm tilef. Dħalt għall-konvinzjoni mhux għall-konvenjenza u biex inkun parti minn bidla li tant kellu bżonn dan il-pajjiż. Jiġifieri ili kważi għaxar snin fil-politika – b’sitta minnhom inkun għaddejthom bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

Dawn kienu snin ta’ ħidma kbira fejn sinċerament ngħid li għamilt ħilti biex niġġieled għad-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin u biex naħdem fl-interess ta’ pajjiżi. Ġejt fdata mill-kumitati tiegħi b’rapporti importanti ħafna, irbaħt premjijiet internazzjonali f’oqsma differenti – inkluż għall-ħidma tiegħi fl-interess tal-annimali – irrappreżentajt il-Parlement Ewropew f’numru konsiderevoli ta’ konferenzi u delegazzjonijiet … u għaldaqstant inħossni kburija u sodisfatta li onorajt lil kull min fdani bil-vot tiegħu. Kienet esperjenza fantastika fejn esperjenzajt mod differenti kif issir il-politika – politika ta’ dibattitu aktar mill-politika ta’ konfront kontinwu. Kont parti mit-tfassil ta’ liġijiet u regoli importanti, ukoll ibbażati fuq rapporti li għamilt jien u nispera li l-frott tal-hidma tiegħi tibqa’ titgawda miċ-ċittadin, għax fuq kollox jien għalhekk MEP.

Pero kollox għandu l-bidu u t-tmiem tiegħu. Il-ħajja ta’ MEP li għandha familja Malta hi ħajja ta’ solitudni. Għext ħajja ta’ waħdi bejn erba’ postijiet – Brussell, Strasburgu, Malta u l-ajruporti madwar id-dinja. Issa nixtieq ingawdi aktar il-familja u n-neputijiet u għaldaqstant iddeċidejt li ma nippreżentax il-kandidatura tiegħi għall-elezzjonijiet tal-2019. Ili Membru tal-Parlament Ewropew mill-2013 u dejjem ħdimt b’impenn u determinazzjoni biex nikseb l-aqwa riżultati għall-ġid taċ-ċittadini, u issa wasal iż-żmien li ntemm din l-avventura eċċitanti u impenjattiva li bdejt disa’ snin ilu.

Fattur determinanti ieħor hu li l-politika mhix id-dar naturali tiegħi, u kieku nista’ nkun “rappreżentanta tal-poplu” mingħajr ma nkun fil-politika kieku kien ikun ideali għalija! Naf li dan mhux possibbli u għalhekk wara għaxarsnin fil-politika, wasal iż-żmien biex, kif jgħidu l-Ingliżi, “to hang up my political boots! 

 

X’wasslek tieħu din id-deċiżjoni tant kmieni?

Kellimt lill-PM Muscat fil-bidu ta’ Mejju biex ninfurmah bid-deċiżjoni tiegħi u xtaq li nistenna qabel ma nieħu deċiżjoni bħal din. Iżda għalkemm apprezzajt il-pariri tiegħu, jien mort għandu b’deċiżjoni li kont ili naħseb fuqha, għalhekk ma kienx każ li nipposponi din id- deċiżjoni jew naħseb aktar fuqha.

Jien nemmen li jekk se nitlaq se nitlaq meta jien qiegħda fil-quċċata tal-karriera u mhux meta niżlet ix-xemx fuq din il-karriera. Ħafna politiċi jibqgħu mwaħħlin mas-siġġu wkoll meta żmienhom ikun għadda. Jien la għandi qalbi marbuta mas-siġġu tal-poter, u lanqas mal-pakkett finanzjarju tal-MEPs. Xtaqt fuq kollox nevita kull spekulazzjoni, għalfejn ħadt din id-deċiżjoni. Jiġifieri irrid nibgħat messaġġ ċar li din id-deċiżjoni hi bbażata biss fuq dak li ddeċidejt jien, għax ridt jien u meta ridt jien. Mhix deċiżjoni faċli, speċjalment meta tkun għamilt suċċess, imma din deċiżjoni hija bbażata fuq kif nixtieq ngħix ħajti fil-futur.

Ghalkemm l-elettorat huwa suprem, ma kelli l-ebda biża’ li ma niġix eletta fl-2019 kieku nikkontesta, għax il-poplu Malti jaf jevalwa min jaħdem għall-interess tiegħu u ta’ pajjiżu – u jien għandi track record impekkabbli. Nawgura li fl-2019, l-elettorat jagħżel nies li kapaċi jwasslu leħinhom b’mod sod u li l-MEPs Maltin iżommu dejjem quddiem għajnejhom li qegħdin hemm għall-ġid ta’ pajjiżhom u mhux biex jużaw is-siġġu biex ikissru u jfarrku lil pajjiżhom għal skopijiet partiġġjani.

Ridt naħseb ukol fl-istaff tiegħi, li jaħdmu miegħi fl-uffiċċji ta’ Malta u ta’ Brussell, kif ukoll fil-kollaboraturi tiegħi – nies kompetenti u leali immens. Lil dawn xtaqt nurihom rispett billi ninformahom bil-quddiem ta’ dak li ddeċidejt, u mhux inħallihom imdendlin sal-aħħar, ghax hekk titlob l-irġulija. Lil dawn nirringrazzjahom mill-qalb.

Pero jien se nibqa’ nagħmel dmiri kif dejjem għamilt. Se nibqa’ nonora l-fiduċja li ngħatajt minn min fdani bil-vot, u lejn pajjiżi sal-aħħar ġurnata tal-mandat tiegħi fl-2019. Baqa’ sena xogħol u għalija xejn mhu se jinbidel.

 

Mhemm ebda dubju li bl-esperjenza vasta tiegħek għad għandek ħafna x’tagħti lill-Istat Malti. Qed tikkonsidra li tikkontribwixxi f’xi qasam partikolari?

Jien qatt ma ġrejt wara l-ebda pożizzjoni u qatt ma ppretendejt xejn mingħand ħadd … u mhux se nibda issa! Jekk niġi msejħa biex nagħti sehmi u biex nuża l-esperjenza tiegħi għall-ġid ta’ pajjiżi, jien dejjem disposta. Jien nemmen li qatt ma tista’ tkun taf x’hemm wara l-kantuniera tal-ħajja … għalhekk, jekk u meta jkun hemm bżonn tittieħed deċiżjoni, neħodha.

(It-Torċa / iNewsMalta.com 27-05-18)

http://www.inewsmalta.com/article.php?ID1=66754

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *