It-terminu “stħarriġ tal-opinjoni pubblika” naħseb li mhu ġdid għal ħadd. Nisimgħu u naqraw spiss rapporti dwar eżerċizzju bħal dan. Eżerċizzju li normalment isir biex bħal jitkejjel il-polz tal-poplu dwar xiħaġa speċifika.  Bħal donnu biex wieħed ikun jaf xi jkun qed jaħseb il-poplu dwar suġġett partikolari. Stħarriġ li jsir b’diversi modi. Komuni ħafna huwa l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika permezz ta’ telefonati. Hemm ukoll is-sistema fejn rappreżentanti ta’ min ikun qed jagħmel l-istħarriġ joqgħod iwaqqaf in-nies f’postijiet mill-aktar frekwentati – dak li jissejjaħ vox pop. Hemm ukoll is-sistema li jiġu jħabbtulek il-bieb tad-dar.

X’aktarx li l-aktar stħarriġ tal-opinjoni pubbika li jingħata piż mill-poplu tagħna huwa dak li jittratta l-qasam politiku. L-istat ta’ popolarità li jkunu fiha l-partiti politiċi u l-mexxejja rispettivi tagħhom fi żmien partikolari li jsir l-istħarriġ. Dan it-tip ta’ stħarriġ ikun interessanti għax jidħol fid-dettall u meta tara b’liema mod ikun kumpilat allura tifhem u tkun tista’ tgħarbel x’piż għandek tagħtih.

Fil-ġranet li għaddew sar stħarriġ simili min-naħa tal-ġurnal MaltaToday. Ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ wera d-differenza kbira u d-distakk li hemm fejn jirrigwarda l-popolarità taż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna. Stħarriġ li ta vantaġġ qawwi lill-Partit Laburista fuq il-Partit Nazzjonalista kif ukoll wera li l-popolarità tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia pparagunata ma’ dik tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat hija bħal nida fejn ix-xita.

Filwaqt li ninnota riżultati ta’ eżerċizzju bħal dan, m’iniex fost dawk li jserrħu rashom u jkunu x’aktarx lesti li jnaqqsu mir-ritmu li jkunu għaddejjin bih. Naqbel mija fil-mija mal-pożizzjoni li dejjem ħa l-Mexxej Laburista fl-isfond ta’ kull stħarriġ tal-opinjoni pubblika fuq bażi politika: fil-jum ta’ kull elezzjoni l-kaxxi tal-voti jkunu kompletament vojta. Ma jkun fihom ebda vot li jagħti vantaġġ lil naħa jew oħra.

Madankollu nqis ukoll stħarriġ bħal dak li sar fil-jiem li għaddew minn perspettiva oħra. Ma nikkunsidrahx  bħala xiħaġa kompletament aljena. Għaliha waħedha. Għall-kuntrarju. Nikkunsidra stħarriġ bħal dan fl-isfond ta’ dak li nara, fl-isfond ta’ dak li tisma’ mingħand in-nies waqt li titkellem magħhom b’mod informali jew waqt attivitajiet soċjali. Sfond li juri bl-aktar mod ċar li l-Malti u l-Għawdxi, b’mod ġenerali, qiegħed jgħix ħajja aħjar minn dik li kien jgħix sa ħames snin ilu. Nirrealizza li l-istħarriġ hu ritratt ta’ dak li qed iħoss il-poplu.

Hemm sfond ieħor li nikkunsidra meta nħares lejn stħarriġ tal-opinjoni pubbika bħal dak li qiegħda nirreferi għalih. L-isfond tal-istatistika uffiċjali. Ir-rata tal-qgħad titkellem waħedha. Sa Marzu 2013 madwar 8,000 ruħ kienu rreġistrati bħala li qegħdin ifittxu x-xogħol. Illum din iċ-ċifra niżlet taħt 2,000. Għandna aktar minn 40,000 barrani jaħdem Malta. Iċ-ċifra ta’ nisa li reġgħu lura lejn il-post tax-xogħol jew li daħlu fid-dinja tax-xogħol għall-ewwel darba hija waħda kbira ħafna. Dan huwa dovut għall-fatt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol offruti lil ħaddiema nisa huma mill-aktar inkoraġġanti, apparti miżuri oħrajn bħalma huwa s-servizz taċ-childcare centres b’xejn.

Il-pensjonanti tagħna bdew jesperjenzaw l-ewwel żidiet fil-pensjonijiet tagħhom wara aktar minn 25 sena ma jiżdiedu qatt ħlief għal parti minn dak li kien jingħata bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja. L-opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ tagħna bilkemm jitwemmnu. Jinħass mhux ftit li hawn il-flus fl-idejn. Biżżejjed tikkunsidra li fit-toroq tagħna, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħhom, qegħdin jinħarġu madwar 40 karozza ġdida kuljum. In-numru ta’ Maltin u Għawdxin li qegħdin jieħdu mill-inqas btala barra ‘l pajjiż darba fis-sena kiber b’rata kbira ħafna. Bla dubju, il-kwalità tal-ħajja tal- Maltin u Għawdxin tjiebet.

Hemm l-isfond tal-qagħda finanzjarja li jinsab fiha l-pajjiż. Mhux talli ma kellniex nirrikorru għal bailout mill-Unjoni Ewropea kif kien kien hemm min beżżagħna qabel Marzu 2013, talli llum id-dejn nazzjonali naqas mhux ftit, u fejn qabel konna nirreġistraw deficit f’kull tmiem is-sena issa qegħdin nirreġistraw surplus.

U nista’ nibqa’ għaddejja b’kull qasam tal-ħajja biex iservi bħala sfond għal dak l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika.

U n-naħa l-oħra tal-munita? Għandna Oppożizzjoni li tidher li ma trid titgħallem b’xejn. Kellna Partit Nazzjonalista fil-Gvern qabel Marzu 2013 li kien ipinġi b’mod negattiv lill-Oppożizzjoni Laburista. Ġiet l-elezzjoni u l-Partit Nazzjonalista laqqat tkaxkira nobis. Bidlu l-Kap u flok dawru r-rotta komplew jippruvaw ipinġu lill-Gvern Laburista b’kull mod negattiv li setgħu minkejja li r-riżultati kienu qegħdin juru li l-livell ta’ għajxien tal-poplu kien diġà beda juri titjib.

Waslet l-Elezzjoni ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet u l-poplu reġa’ tkellem. Il-PN reġa’  laqqat tkaxkira, u din id-darba kienet tkaxkira akbar. Reġa’ nbidel il-Kap u s’issa jidher li baqgħu ma tgħallmu xejn għax baqgħu għaddejjin bl-istess kritika negattiva – bid-deher li t-telliefa ta’ qabel donnhom għadhom imexxu huma lill-PN.

Sadattant il-poplu qed ikompli jgħix ħajja aħjar, il-poplu jidher aktar kuntent, aktar komdu, b’aktar flus f’idejh … huwa f’dan l-isfond li trid tikkunsidra l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika li trattajt f’din il-kitba. Pero’, irridu nżommu f’moħħna li jkun żball li nnaqqsu mir-ritmu li għaddejjin bih u  nieħdu dak li għandna for granted.

 

KullĦadd 10-06-18

_____

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *