It-tliet ġimgħat li għaddew kienu ddominati bl-avvenimenti f’nofs il-Mediterran fejn jirrigwarda l-immigrazzjoni irregolari, b’mod partikolari bil-każ tal-vapur Aquarius u bil-każ tal-vapur l-ieħor Lifeline. Għalkemm iż-żewġ stejjer huma dwar l-istess suġġett, l-immigrazzjoni irregolari, kellhom faċċati differenti u konsegwenzi differenti, imma li finalment minnhom ħarġu affarijiet komuni: il-mod kif nimxu ma’ dawn il-povri nies, u  d-determinazzjoni u l-kapaċità tal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat. Dan fi sfond fejn iċ-ċirkostanzi ħadu dimensjoni differenti minn wara l-bidla fil-Gvern Taljan.

Kif naħseb li jaf kulħadd il-każ tal-vapur Aquarius ħoloq diżgwid fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja. Dan fl-opinjoni tiegħi kien kollu kkawżat minn arroganza fil-konfront ta’ Malta min-naħa ta’ esponenti ewlenin tal-Gvern Taljan. Konna wasalna fil-punt fejn kien hemm min fl-Italja deherlu li għandu d-dritt jiddetta lill-Gvern Malti x’għandu jagħmel. Bħal donnu ħass li jista’ jitkellem minn pjattaforma ta’ superjorità għax qiegħed jittratta ma’ pajjiż żgħir bħalna. Dwar dan kelli l-opportunità li nuri l-opinjoni tiegħi fil-konfront ta’ min aġixxa bil-mod li aġixxa bih. B’mod partikolari s-Sur Matteo Salvini, wera ċar li mhux biss kien dgħajjef fejn tidħol id-diplomazija imma wkoll li kien nieqes minn tagħrif bażiku ta’ ġeografija fejn qiegħed it-territorju Taljan u dak Malti fil-konfront tal-kosta Libjana. Qisu l-ġeografija hi opinjoni! Biex ma nsemmux lis-Sur Luigi di Maio li wkoll wera kemm hu bravu billi pprova jwerwirna li se jaqta’ s-servizz tal-interconnector għax qal li l-enerġija qed jagħtuhielna b’xejn!

Kemm għandhom x’jitgħallmu dawn it-Taljani ġodda fil-Gvern li ħasbu li se jgħadduna biż-żmien u jirrumblaw minn fuqna għax żgħar!

Il-Prim Ministru Malti wera lil kulħadd li la darba tkun fit-triq tas-sewwa d-daqs tal-pajjiż huwa irrelevanti. Li kieku l-Prim Ministru tagħna ma żammx sod mal-pożizzjoni retta li ħa fil-każ Aquarius, kieku llum l-istorja hija differenti fejn jirrigwarda l-immigrazzjoni irregolari u pajjiżna.

Il-każ tal-vapur Lifeline huwa totalment differenti anke jekk finalment iwassal għall-istess ħaġa. Ħadd, hu min hu, m’għandu jieħu l-liġi b’idejh jew agħar minn hekk jinjora l-liġijiet internazzjonali u jinqeda bil-ħajjiet ta’ ħaddieħor għall-finijiet ta’ moħħu. Huwa abbuż minn sitwazzjonijiet tal-biki li jkun tajjeb li wieħed jara xi jkun l-oriġini tagħhom qabel ma jasal għal xi konklużjoni. Għax mhux sewwa, anzi huwa kundannabbli, li b’għemilek tinkoraġġixxi l-immigrazzjoni irregolari mbagħad toħroġ takkuża lil min ikun qed isegwi l-liġijiet internazzjonali, filwaqt li jagħmel dak kollu possibbli biex jonora l-obbligazzjonijiet umanitarji kif dejjem għamlet Malta. Jidher li fil-każ tal-Lifeline hemm nuqqasijiet serji ġudizzjarji li qed jiġu diskussi fil-qrati Maltin u għalhekk  irridu nistennew il-ġustizzja ssir.

Ma tistax ma tħossx sodisfazzjon għall-mod li bih il-Prim Ministru Muscat irnexxielu jgħaqqad disa’ pajjiżi, inkluż lin-Norveġja li mhix membru tal-Unjoni Ewropea, biex flimkien solvew parzjalment il-każ tal-vapur Lifeline minn sitwazzjoni li hi, allegatament, maħluqa minn nuqqas  tal-kaptan tal-vapur.

Madankollu fil-każ Lifeline ma fissirx biss il-mod li bih spikka Dr Joseph Muscat. Fisser ukoll kemm hija kbira d-differenza, kemm hu veru dak li jsostnu missirijietna li bejn kliem u fatti hemm baħar jikkumbatti. Il-valur tas-solidarjetà li tant tipprietka dwaru l-Unjoni Ewropea mhux talli ngħata l-ġenb, talli nasal biex ngħid li ġie injorat kważi kważi totalment.

Għax għal liema konklużjoni oħra tista’ tasal meta tqis li minn 28 pajjiż li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea huma tmienja biss li offrew li lesti jipprovdu kenn lil numru żgħir ta’ immigranti irregolari? Ma ninsewx li ilna snin nisimgħu lill-Unjoni Ewropea tgħid, dejjem wara xi każ ikrah li fih jintilfu ħafna ħajjiet, li se tara li taġixxi biex kulħadd iġorr parti mill-piż. Imma jidher li l-maġġoranza tal-pajjiżi membri, la darba ma jintlaqtux direttament, la darba mhumiex fuq il-periferija tal-kontinent Ewropew fejn jirrigwarda l-Baħar Mediterran, mhumiex lesti jipprattikaw il-prinċipju tas-solidarjetà.

Huwa veru li inutli li noqogħdu naraw u mmorru lura fis-snin biex naraw x’wassal għas-sitwazzjoni tal-lum, imma ma nistgħux ma ngħidux li ħafna mill-problemi li qegħdin iwasslu biex daqstant nies jaħarbu minn pajjiżhom u jissograw ħajjithom huma kollha riżultat ta’ snin twal ħafna ta’ sfruttar u kolonjaliżmu mistmerr li ħaddmu uħud mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. U dawn l-istess kolonjaturi li sfruttaw lil dawn il-pajjiżi u lil nieshom issa qed idawru wiċċhom in-naħa l-oħra, u ma jridux joffru għajnuna. Insostni wkoll, kif dejjem għamilt,  li tort  ieħor huwa l-fatt lil l-biljuni li  l-Unjoni titfa’ f’pajjiżi Afrikani żgur mhux qed imorru għall-benefiċċju taċ-ċittadini biex ikun hemm investiment u jinħoloq ix-xogħol u b’hekk dawn in-nies ma jkollhomx jitilqu minn pajjiżhom.

Ukoll, ma jistax ma jkunx irrimarkat li kienet x’kienet ir-raġuni biex seħħet gwerra ċivili fil-Libja s-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż għadha mhix waħda stabbli u qiegħda tikkontribwixxi bil-kbir għal daqstant traffikar uman bil-konsegwenzi kollha tiegħu.

Huwa f’dan l-isfond li wieħed għandu jkejjel u jivvaluta dak li rnexxielu jwassal għalih il-Prim Ministru Muscat fil-jiem u l-ġimgħat li għaddew. Jekk l-Unjoni Ewropea mhix se tieħu l-briga minn dan kollu u tirrealizza kemm qiegħda tonqos fil-konfront tagħha stess allura se tkun qed tkompli ddgħajjef lilha nnifisha filwaqt li ssaħħaħ l-argument li l-Unjoni Ewropea tipprietka mod u tagħmel ieħor.

Imbilli jagħmlu minuta silenzju kull meta jindifnu n-nies fil-Mediterran mhux biżżejjed! Il-Prim Ministru Joseph Muscat fetħilhom it-triq. Ikunu qegħdin jonqsu jekk ma jkomplux jimxu fiha u jwessgħuha.

 

Il-KullĦadd 08-07-18

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *