Meta ħareġ ir-rapport tal-inkjesta ta’ Egrant moħħi mill-ewwel mar fuq dawn il-15-il xahar ta’ attakki mill-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, David Casa u l-bella compagnia. L-MEPs tal-PN għamlu ħilithom kollha biex jintefa’ dell ikrah fuq Malta u jħammġu isem il-Prim Ministru Malti u konsegwentement, il-pajjiż fil-Parlament Ewropew. Biex ma nsemmux ukoll il-protesti u r-rapporti tal-media pro-PN li saru bl-iskop li jiddestabilizzaw il-pajjiż.

Il-ħdura li rajt u smajt f’dawn ix-xhur kienet waħda tal-biża’. Aħna li konna qegħdin ngħidu li biex tagħmel akkuża għandek bżonn il-provi u l-evidenza, u li għalhekk sħaqna li kien importanti li nistennew ir-riżultati tal-inkjesta, ġejna mgħajra b’kull tip ta’ aġġettiv dispreġġjattiv. Min ma emminx l-akkuża li Egrant hi ta’ mart il-Prim Ministru beda jiġi rredikolat u attakkat ukoll.

Illum li ħareġ ir-rapport tal-inkjesta, dawk il-persuni li riduha ta’ paladini tal-ġustizzja, favur is-saltna tad-dritt (rule of law) u kontra l-korruzzjoni ma lissnux kelma waħda. Il-prinċipji u l-valuri kollha li kellhom taru mar-riħ. U ħadd ma talab skuża!

Dak li ħareġ mill-inkjesta huwa cocktail sħiħ ta’ reati, wieħed agħar mill-ieħor: allegazzjonijiet, xiehda u evidenza foloz, falsifikazzjoni ta’ dokumenti, gideb sfaċċat, diffamazzjoni, assassinju tal-karattru, libelli, attentat ta’ tfixkil u tgħawwiġ tal-kors tal-ġustizzja.

Nittama li din kienet lezzjoni għal kulħadd. Ħadd m’għandu jemmen bl-għami dak kollu li jisma’ u jirrepeti bħal pappagall dak li jgħid ħaddieħor.

Aħna l-MEPs Laburisti u l-Gvern Malti għaddejjin b’ħidma kontinwa biex nirranġaw il-ħsara li saret lil Malta kawża ta’ dawn in-nies bla skrupli li huma lesti għal kollox biex jerġgħu jieħdu l-poter.

Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej u l-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew diġà kkundannaw lill-Partit tal-Oppożizzjoni ta’ Malta talli mexxa kampanja qarrieqa li, fi kliemhom stess,  “tipperikola d-demokrazija u s-saltna tad-dritt, u tnaqqas il-fiduċja fil-partiti u l-istituzzjonijiet politiċi”. Iżda sfortunatament it-tajn li tefgħu għadu ma tnaddafx għal kollox u l-ħidma tagħna ma tistax tieqaf hawn.

Nemmen li kull ċittadin ta’ rieda tajba huwa mħasseb b’żewġ affarijiet dwar il-kwistjoni ta’ Egrant: Min hemm wara d-dokumenti mbagħbsin, il-firem iffalsifikati u l-gideb? Min kien jaf dwar dan il-qerq sa mill-bidu nett, u kien kompliċi f’din l-istrateġija tal-mistħija? Xi ħadd bilfors kien!

Il-poplu Malti jistħoqqlu u jesiġi t-tweġibiet għal dawn id-domandi għax ġie ingannat u riedu jbellgħuhielu li kien hemm skandlu denju ta’ kolp ta’ stat! Jekk tassew nemmnu fis-saltna tad-dritt – kif dejjem għamilna – għandna nemmnu wkoll li l-awturi ta’ dawn ir-reati għandhom jitressqu quddiem il-ġustizzja.

Li kieku Simon Busuttil kellu nitfa diċenza u integrità kien jirriżenja minnufih minn kull kariga politika tiegħu. Huwa bena kampanja elettorali fuq Egrant u pprova jiddestabilizza l-pajjiż għall-ambizzjonijiet politiċi tiegħu. Marlu kollox żmerċ … imma jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter.

David Casa, li ma jafx x’inhuma diċenza u integrità, se jibqa’ miftakar li ħareġ għonqu u għamel dak kollu li seta’ biex jipproteġi giddieba u jumilja lil Malta. Jibqa’ mfakkar kemm keskes MEPs barranin biex iżebilħu  lil pajjiżu. Kemm mar jiġri l-Greċja biex jipproteġi giddieba u biex jagħmel minn kollox biex din ma tiġix ‘l hawn. Issa nafu għaliex ma riduhiex ‘l hawn lis-Sinjura Efimova!

Dawn il-persuni huma eżempju ħaj ta’ kemm tista’ taqa’ fil-baxx il-politika u kemm mhumiex denji tas-siġġu li jokkupaw u tal-poplu lil suppost jirrappreżentaw.

Dawn tant jaslu għal kollox, li wara li għamlu minn kollox biex iħammġu isem Malta, issa saħansitra waslu biex kissru partit, dejjem għall-istess raġuni: il-kilba għall-poter. Bid-deċiżjoni tiegħu li ma jirriżenjax, Busuttil qed juri l-kuluri veri tiegħu u l-arroganza u s-sens ta’ superjorità li għandu. Il-messaġġ li qed nieħdu huwa li l-klikka ta’ madwar Busuttil hija ikbar mill-Partit Nazzjonalista u mill-pajjiż.

Niftakar ċar lil Adrian Delia fil-kampanja għall-għażla ta’ kap ġdid tal-PN jisħaq li ried jeħles mill-establishment li ħataf lill-PN. Il-klikka ta’ madwar Busuttil għamlulu kemm felħu bsaten fir-roti biex ma jitlax iżda l-membri tal-PN xorta waħda għażlu lil Delia – sinjal ċar li anke huma kienu xebgħu u riedu jeħilsu mill-għanqbud tal-establishment.

Illum, Delia kien sfurzat u mhedded bil-pulit biex imur lura minn kliemu u jbaxxi rasu għall-establishment huwa wkoll u jaċċetta li Busuttil ma jitlaqx. Illum, ħames snin wara t-telfa enormi li sofra l-PN fl-elezzjoni tal-2013, qegħdin naraw kif dan l-istess partit għadu ma sabx saqajh u l-istħarriġ kollu qed juri li qed ikompli jegħreq dejjem aktar ‘l isfel.

Ħasra li f’Malta għandna Oppożizzjoni li qiegħda taqa’ biċċiet – b’partit maqsum, kap bla kontroll u bla direzzjoni, u bi klikka li għad għandha l-kontroll sħiħ tal-partit f’idejha. Malta ħaqqha ferm u ferm aħjar minn hekk.

Kumment tal-MPE Marlene Mizzi għat-Torċa 05.08.18

 

Add comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *